Traskuraġni u xejn aktar il-każi ta’ tfal li jintbagħtu l-iskola bla ikel sura ta’ nies

L-Unjon tal-Għalliema, l-MUT tqies bħala negliġenza u xejn aktar il-każi li l-għalliema qed jiltaqgħu magħhom fl-iskejjel ta’ tfal li jintbagħtu l-iskola mingħajr kolazzjon suriet in-nies.

Għall-Unjin tal-Għalliema l-MUT, mhux aċċettabli li t-tfal jintbagħtu l-iskola mingħajr l-affarijiet bażiċi, bħal ikel u l-uniformi u ssostni li dil-problema mhix minħabba faqar. Il-Viċi President tal-MUT Marco Bonnici sostna dan ma’ TVM wara li fl-aħħar jiem ixxandar ritratt fuq il-midja soċjali li wera ikel li ma jiftaħlikx l-aptit.

Li ġenitur jabbdika kompletament mir-responsabbilitajiet u jippretendi li l-iskola tagħmel kollox, inkluż li tipprovi l-lunch, inkluż li tipprovdi l-uniformi jew ma jmorrux għalihom wara l-iskola b’mod ripetut, hemmhekk hemm element ta’ negliġenza.

F’intervista ma’ TVM, is-Sur Bonnici sostna li l-maġġoranza tal-ġenituri huma resposnabbli u jridu ġid għal uliedhom, iżda sfortunatament qed jiżdiedu l-każi li juru negliġenza l-iktar fil-Primarja.

“Jien naħseb li kull ġimgħa nisimgħu b’xi każ li l-iskola tiddilja miegħu. Qed ngħidu l-każijiet li jaslu l-MUT huma dawk li l-iskola tara li hemm problema u ma tistax ssolviha hi”, qal Marco Bonnici, il-Viċi President tal-MUT.

Huwa qal li hija tal-iskantament l-attitudni ta’ xi ġenituri li jippretendu li l-għalliema jipprovdu huma għan-nuqqasijiet tagħhom.

“Trid jew ma tridx meta tifel jew tifla ma jkollhomx lunch b’xi mod trid tipprovdielu, jew tara li ddar tipproviod jew l-iskola tipprovdih. Nafu bi skejjel li l-għalliema stess jixtru lunch għall-istudenti … Huwa ta’ piż għall-għaliema? Iva. Nafu min qed joħroġ minn butu imma qed jagħmluh minn qalbhom”, qal il-Viċi President tal-MUT

Il-Viċi-President tal-Unjin tal-Għalliema qal f’dawn il-każijiet jidħlu s-social workers imma minħabba volum kbir ta’ xogħol li għandhom, dawn il-każijiet mhumiex ta’ prijorità ghalihom, għax is-social workers għandhom każijiet iktar serji.