Trasport
Trasport bi skeda bejn Malta u Kemmuna

Minn nhar is-Sibt it-traġitti bil-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna ser jibdew isiru minn Kooperativa Comino Ferries li fiha seba’ operaturi. Il-koperattiva kienet l-uniku operatur li għamel l-offerta wara sejħa pubblika li saret minn Transport Malta. 12-il operatur ieħor li joperaw il-ġarr tal-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna preżentaw mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti għax ma qablux mal-mod li bih saret is-sejħa u l-għażla li għamlet Transport Malta. F’kummenti ma’ Television Malta ċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal jinsab f’diskussjonijiet mal-operaturi involuti biex jinstab żblokk għal kwistjoni.

It-tilwim bejn operaturi differenti dwar il-ġarr tal-passiġġieri mal-mollijiet tal-Marfa u ċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna x’aktarx ser jinqata darba għal dejjem wara li das-servizz ġie regolarizzat minn Transport Malta li tilliċenzja l-operaturi tat-trasport kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.

Il-kuntratt għal das-servizz ingħata minn Transport Malta lill-koperattiva Comino Ferries li rebħet il-kuntratt wara li kienet hi biss li għamlet l-offerta wara sejħa pubblika.

Comino Ferries mis-Sibt li ġej għandha prijorità biex tuża l-mollijiet għad-dgħajjes mill-Marfa saċ-Ċirkewwa, waqt li l-operaturi oħra li mhumiex membri tal-koperattiva jistgħu jużaw il-mollijiet meta dawn ma jkunux qegħdin jintużaw minnha.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja ma’ TVM spjega li das-servizz ġie regolarizzat biex jingħata servizz professjonali fil-ġarr tal-passiġġieri minn Malta għal Kemmuna u lura.

“L-ewwel nett torganizza dan is-servizz tal-ferry bi skeda organizata, bil-ħinijiet stabiliti. Servizz ta’ kwalità għat-turisti u Maltin li jużaw is-servizz u fl-istess ħin ukoll inħajjru investiment biex l-opri tal-baħar li jintużaw għal dan is-servizz ikunu moderni, safe u aktar minn kollox eco friendly.”

Madankollu, id-deċiżjoni ta’ Transport Malta ma ntlaqgħetx tajjeb minn 12-il operatur ieħor li jipprovda das-servizz. F’mandat ta’ inibizzjoni, huma oġġezzjoni għal kundizzjonijiet li għamlet Transport Malta għal dan il-kuntratt li huwa għal 15-il sena fosthom il-garanzija mitluba ta’ ħamsin elf ewro.

Is-sur Bugeja qal li Transport Malta tinsab f’diskussjonijiet mal-operaturi kollha biex tinstab soluzzjoni.

“Dan li qed nidisinjaw huwa biex nikjarifikaw li l-ispazju dedikat idealment għal ferry u spazju ieħor biex kulħadd ikun jista’ jaħdem. Fil-każ ta’ Kemmuna, fejn hemm il-limitazzjonijiet. Hemmhekk irid ikun priority għal ferry trid topera u tonora l-iskeda skont il-kuntratt u bdejna laqgħat mal-Awtoritajiet kompetenti fosthom l-ERA biex naraw x’nistgħu nikkreaw spazju addizjonali ġo Blue Lagoon biex kulħadd ikun moqdi.”

Mark Bajada mill-kooperativa Comino Ferries qal li f’investiment ta’ ħames miljun ewro ser itejbu s-servizz li jingħata lill-passiġġieri bejn Malta u Kemmuna.

“Ħa nkunu qed ninvestu f’bastimenti ġodda, żewġ bastimenti li huma hybrid, eco friendly, li bħalhom Malta m’hawnx, biex flok il-flotta li għandna bħalissa ta’ għaxar dgħajjes naħdmu bi tnejn li jiproteġu l-ambjent u jaħdmu aħjar fil-maltemp.”

Id-deċiżjoni jekk is-servizz jibdiex jopera nhar is-Sibt tinsab f’idejn il-Qorti li mistennija tiddeciedi dwar il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mit-tnax il-operatur l-ieħor.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival iferraħ lil ħafna nies, minn tfal sa kbar, b’nies bħal Ġeorge Żahra li ilu nvolut fil-Karnival għal nofs seklu. Iħossu qisu tifel meta jasal Frar u jibda r-Renju tal-bluha….

Riċerka

L-użu tal-Malti u l-Ingliż ser jiġi analizzat permezz ta’ serje ta’ seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti taħt il-patriċinju tal-President George Vella. Thomas Pace, id-direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti qal li l-istudju…

Stejjer Umani

F’Dar Frate Jacoba f’Marsaskala, sibna żewġt itfal qed jiġu mgħallma s-sengħa tar-raħħala, b’nagħġa għadha twelled u qed tisqi lill-frieħ tagħha. Fr Ray Scicluna li ilu jmexxi d-dar qalilna li t-tmint…

Aktar