Politika
Trasport pubbliku b’xejn għal min juża l-mina biex jaqsam bejn Malta u Għawdex – il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li t-trasport pubbliku li jgħaddi mill-mina bejn Malta u Għawdex ser ikun offrut b’xejn biex jonqos l-użu tal-vetturi privati. Dr Muscat stqarr li għad jonqos aktar studji fuq il-proġett tal-mina waqt li stqarr li l-Gvern ser jibda jaħseb fuq is-sistema tal-metro madwar il-pajjiż wara li jsir il-proġett tat-toroq fis-7 snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, fisser il-viżjoni tal-Gvern dwar Għawdex u kif jista’ jkollu żvilupp sostenibbli mingħajr ma jitħassru l-karatteristiċi ta’ Għawdex.

Fir-Rabat Għawdex, Dr Muscat ħabbar li t-trasport pubbliku li jgħaddi mill-mina bejn iż-żewġ gżejjer se jkun b’xejn, bl-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq l-vetturi privati. Dr Muscat spjega li se jkun hemm trasport pubbliku dirett għall-postijiet strateġiċi f’Malta bħall-Ajruport Internazzjonali u l-Isptar Mater Dei fost oħrajn. Qal li l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex huwa ekonomikament sostenibbli u mhux se jitfa’ piżijiet ġodda fuq in-nies.

Il-Prim Ministru qal li jirrifjuta l-idea li link permanenti se tkisser il-karattru ta’ Għawdex. Qal li l-ħsieb tal-Gvern hu li Għawdex jibqa’ oasi ambjentali u attrazzjoni kulturali. Dr Muscat qal li fl-aħħar snin saru studji dwar il-vijabbiltà tal-mina għalkemm stqarr li għad hemm studji li għad iridu jsiru.

Dr Muscat qal li biex pajjiżna jħabbatha mal-aqwa pajjiżi fid-dinja hemm bżonn li jsir titjib fl-infrastruttura u li qal qed issir bil-wegħda li t-toroq kollha f’Malta u Għawdex jinbnew mill-ġdid fuq medda ta’ 7 snin b’investiment ta €700 miljun. Il-Prim Ministru kompla jgħid li meta jitlesta dan il-proġett, il-Gvern se jibda jaħseb għal sistemi ta’ trasport tal-massa fosthom tal-metro.

Dwar l-iżvilupp ekonomiku f’Għawdex, Dr Muscat qal li għall-ewwel darba fl-istorja l-ekonomija Għawdxija kibret aktar minn ta’ Malta. Qal li mill-2013 sal-lum, inħolqu 3,300 impjieg f’Għawdex fil-maġġoranza tagħhom fis-settur privata. Dr Muscat qal li l-Gvern mhux se jieqaf hawn u semma kif Għawdex irid ikun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura d-darba li jmiss.

Il-mexxej Laburista qal li l-Gvern daħħal mentalità li Malta u Għawdex huma l-istess. Qal li l-Għawdxin diġà taw sinjal qawwi favur il-bidla li ġab il-Gvern Laburista. Dwar l-appuntamenti elettorali li jmiss, Dr Muscat qal li din se tkun l-ewwel darba li l-elettorat se jkun qed jivvota għal żewġ elezzjonijiet f’daqqa. Hu appella biex iż-żewġ gżejjer jingħaqdu u jagħtu sinjal ta’ bidla għal Malta ta’ Għada, Suċċess għal Kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar