Lokali
Trid tara biex temmen – tieġ ta’ €2 miljun f’Malta

Fl-aħħar snin żdiedu l-koppji barranin li jagħżlu Malta biex jiżżewġu jew jingħaqdu f’unjoni ċivili. Fl-aħħar xhur qed tikber niċċa oħra ta’ żwiġijiet Indjani li huma ferm aktar stravaganti b’budgets miljunariji. Wieħed minnhom sar bejn is-Sibt u t-Tnejn li għadda fi tliet postijiet differenti – San Ġiljan, l-Imdina u l-Belt Valletta, b’budget ta’ ftit inqas minn €2 miljun.

Kull min it-Tnejn li għadda nzerta tiela’ lejn Kastilja jew fi tmiem il-ġimgħa daħal l-Imdina u jew lejn il-Ponta tad-Dragonara, x’aktarx li stħajjel li kien qed jinġibed xi film barrani.

Madankollu, ix-xeni kollha kienu parti mill-armar mirqum għal wieħed mill-akbar tiġijiet li x’aktarx qatt sar f’Malta b’budget li n-nies involuti f’din iċ-ċelebrazzjoni kbira ta’ mħabba u abbundanza jistmaw li kien ilaħħaq maż-€2 miljun, mas-70 darba aktar mill-budget medju ta’ tieġ Malti.

Kif inhi t-tradizzjoni fl-Indja, iktar mat-tieġ ikun kbir, iktar aħjar.

Wara żewġ ċelebrazzjonijiet simili fl-Indja u l-Pakistan fil-ġimgħat li għaddew, il-koppja għażlet lil Malta biex tiżżewweġ u tiċċelebra l-ġurnata tant mistennija ma’ għexerien ta’ mistednin li kważi kollha ġew apposta għal dan it-tieġ. Iċ-ċelebrazzjoni kienet mifruxa fuq tliet ijiem u erba’ attivitajiet differenti.

Is-Sibt saru żewġ attivitajiet – f’nofsinhar u filgħaxija f’lukanda lussuża f’San Ġiljan, il-Ħadd fil-Foss tal-Imdina pranzu ġeneruż u abbundanti b’ikel u ħwawar organiċi b’faċilitajiet għall-massage għall-mistednin waqt li t-Tnejn – f’Jum il-Budget – Vjal Ġlormu Cassar li jagħti għall-Berġa ta’ Kastilja ngħalaq għall-bidu taċ-ċerimonja formali taż-żwieġ bejn il-koppja mill-Pakistan u l-Indja li l-pajjiżi tradizzjonalment huma għedewwa, imma kif jgħidu l-imħabba m’għandhiex fruntieri.

Il-koppja kompliet tiċċelebra b’ikla fil-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq u riċeviment lussuz b’divertiment minn artisti barranin fis-Saluting Battery.

It-tieġ kien organizzat minn Maltin u Belġjani, b’Alistair Fenech li ħa ħsieb il-fjuri tal-attivitajiet kollha jgħid li f’21 sena fl-industrija qatt ma jiftakar tieġ daqshekk kbir.  “Qed nużaw madwar 20,000 fjura u friegħi tal-euchalyptus.  Il-maġġoranza hija l-fjura tal-Orchid li għandna madwar 8,000 u warajha għandna 4000 warda,”qal is-Sur Fenech.

Waqt li fl-ewwel jumejn taċ-ċelebrazzjonijiet, spikkaw il-kuluri vivaċi assoċjati ħafna mal-Indja, fil-ġurnata tat-tieġ is-Saluting Battery kienet ispirata mill-ilwien relatati mar-romantiċiżmu bi fjuri u armar ċar u naturali.

Minkejja l-kobor u l-istravaganza tat-tieġ Indjan, il-mistednin kien jghoddu biss 350 li ma setax kellhom temp aħjar biex jammiraw il-ġmiel tal-gżejjer Maltin.

Alistair Fenech qal li, “Din hi vetrina għall-pajjiżna u dik l-aktar ħaġa importanti fejn post bħal dan, xena mill-isbaħ tal-port Malti, li żgur hi esperjenza mill-isbaħ għall-mistednin li ġew li għalihom hi indimentakabbli.”

Iż-żwiġijiet biċ-ċivil minn koppji barranin f’Malta qegħdin dejjem jiżdiedu. Waqt li fl-2013, saru 634 żwieġ, is-sena li għaddiet saru 913, bit-tama ta’ dawk kollha nvoluti f’din l-industrija li jkomplu jiżdiedu, speċjalment dawk mill-Ażja li magħhom jieklu ħafna nies fi żmien tas-sena li t-turiżmu jkun ftit iktar kajman.

Ara t-tieġ ta’ din il-koppja hawnhekk:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ġuvni ħelisha ħafif wara li l-vann li kien qiegħed isuq dalgħodu baqa’ dieħel ġo ħajt bil-konsegwenza li niżel f’għalqa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.00 ta’ dalgħodu fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal…

Lokali

Il-Maġistrat Anthony Vella ġie assenjat mill-Prim Imħallef biex imexxi l-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’deċiżjoni li tat kmieni dalgħodu, il-Maġistrat Scerri Herrera irrikużat ruħha mill-inkjesta u qalet li l-ġustizzja…

Lokali

Iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, iddeskriva b’mod grafiku dak li ra wara l-isplużjoni li ħalliet lil ommu mejta lbieraħ. Is-Sur Caruana Galizia kien l-ewwel wieħed fuq ix-xena peress…

Lokali

Ħarsa lejn il-ġurnali ppubblikati llum, it-Tlieta 17 ta’ Ottubru: Il-faċċata ta’ kull ġurnal ippubblikat illum hija ddominata mill-qtil tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia lbieraħ wara nofsinhar fi splużjoni qawwija…

Aktar