Barranin
TripAdvisor iwissi dwar lukanda fit-Tajlandja wara li klijent spiċċa arrestat

Is-sit tal-ivjaġġar popolari TripAdvisor ippubblika twissija dwar lukanda fit-Tajlandja li ħadet passi legali kontra klijent li maqdar il-lukanda fuq is-sit. Din hija l-ewwel twissija tax-xorta tagħha fuq dan is-sit.

Il-każ beda meta Wesley Barnes, ċittadin Amerikan, ta verdett negattiv tal-lukanda Sea View Resort & Spa f’Koh Chang wara li qagħad fiha, b’konsegwenza li spiċċa arrestat taħt il-liġijiet stretti tat-Tajlandja kontra l-malafama.

Huwa nħeles mill-arrest wara li għamel apoloġija pubblika, iżda kaġun tal-passi kriminali, kien qed jiffaċċja sentejn ħabs.

B’reazzjoni għal dan l-inċident, TripAdvisor wissa li din il-lukanda partikolari ħadet passi kriminali kontra klijent tagħha li kiteb opinjoni negattiva dwarha, u sostna li huwa l-irwol tas-sit li jinforma b’dan lil dawk li jkunu qegħdin jippjanaw il-vjaġġ tagħhom.

Mill-banda l-oħra, il-lukanda qalet fi stqarrija li s-Sur Barnes kien ħoloq kommossjoni fil-lukanda meta insista li jdaħħal l-alkoħol tiegħu fuq il-mejda tar-restorant u rrifjuta li jħallas miżata biex jinfetaħ il-flixkun (corkage fee). Żiedet li l-kitba ta’ Barnes kienet iffabbrikata u malizzjuża.

Is-sit TripAdvisor qal li jemmen fid-dritt tal-konsumatur li jikteb l-opinjoni tiegħu dwar l-esperjenza li kellu, tajba jew ħażina, u jopponi azzjoni fejn stabbiliment juża l-liġi lokali biex jibgħat il-ħabs lil min jesprimi l-opinjoni tiegħu.