Toroq
Triq fil-Fgura l-ewwel waħda fost 120 li se tinbena mill-ġdid

Beda x-xogħol fuq l-ewwel minn 120 triq residenzjali li hemm pjanati li jsiru din is-sena bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun li l-Gvern se jagħmel fl-infrastruttura tat-toroq.

Ix-xogħlijiet bdew f’31 triq u qed isiru minn tliet konsorzji li rebħu l-kuntratti tal-aġenzija Infrastructure Malta li qed tikkordina dan il-proġett.

Beda x-xogħol din il-ġimgħa fuq 31 triq residenzjali f’Malta, l-ewwel grupp ta’ toroq residenzjali li se jsiru mill-programm tal-Gvern għall-irranġar tat-toroq tal-pajjiż. Ix-xogħol fuq l-ewwel grupp ta’ toroq jinkludu l-installazzjoni ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda għad-distibuzzjoni tal-ilma, cables tal-elettriku, u cables tat-telekomunikazzjoni.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet fuq Triq Ġdida fi triq l-Għarnuq fil-Fgura, li qed tinbena mill-qiegħ. Qal li fl-ewwel tliet snin se tingħata prijorità lit-toroq li qatt ma saru.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg  qal “għandna mija u sittin triq fil-pajjiż li jridu jinbnew mill-ġdid, ħafna minnhom li qatt ma sar wiċċ ta’ triq fuqhom. Din hija waħda partikolari fejn għandek nies li jkunu investew fil-proprjetà tagħhom, għandek familji li jgħixu hawnhekk f’sitwazzjoni li hija inaċċettabbli. Allura, għalhekk il-Gvern iddeċieda li jinvesti dawn il-flus, mitt miljun fis-sena.”

Żied li qed tingħata importanza wkoll lil toroq oħra ewlenin bħalma hi Triq it-Turisti f’San Pawl il-Baħar, li x-xogħol fuqha għandu jkun lest sas-sajf. Ix-xogħol inbeda f’toroq oħra bħal Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, Triq Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar u Triq ir-Rinella fil-Kalkara.

Għal din is-sena hemm pjanati xogħol fuq 120 triq residenzjali, li se jsiru b’investiment ta’ 53 miljun ewro u nofs. B’mitt miljun ewro allokati għal din is-sena, il-Ministru qal li aktar tard din is-sena Infrastructure Malta se toħroġ it-tieni sejħa għal xogħlijiet f’aktar toroq residenzjali.

Il-Ministru qal li saret konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali kollha biex l-ebda lokalità ma titħalla barra.

Il-Ministru Ian Borg qal “qed jikkonsultaw ma’ Infrastructure Malta u jagħtuhom il-prijoritajiet.”

Il-Ministru Borg qal li għall-ewwel sejħa, Infrastructure Malta ffukkat fuq it-toroq f’Malta, u għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex bil-għan li ma jdumux ma jsirux xogħlijiet fuq it-toroq residenzjali f’Għawdex ukoll.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis stqarr li kien diffiċli li l-Kunsilli Lokali jagħmlu t-toroq kollha huma. Qal li bil-gvern ċentrali daħal għax-xogħol hu, il-Kunsilli issa jistgħu jiffukaw l-enerġija tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Aħbarijiet Oħra
Avjazzjoni

L-Air Malta se tibda topera servizz skedat ta’ darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ġimgħa lejn il-gżira Balearika ta’ Ibiza, li hija magħrufa l-aktar għan-nightlife tagħha….

Unjoni Ewropea

Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin iħossu li l-pajjiż ibbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Stħarriġ tal-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa li sar mill-Parlament Ewropew li sar bejn Frar u Marzu juri li 91% tal-Maltin wieġbu li Malta…

Saħħa

Espert kliniku mill-NHS Ingliża beda jara l-pazjenti bl-ADHD u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali bil-għan li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa dwar mediċini tal-ADHD. Tliet ijiem ilu d-Deputat Prim Ministru u…

Stejjer Umani

Mara li kienet toqgħod f’wieħed mill-appartamenti li ġġarrfu fi Gwardamangia rnexxielha ssalva minn traġedja u salvat ukoll il-ħajja ta’ residenti li joqogħdu fl-istess blokka. Missierha, Lawrence Gauci, kiteb fuq is-siti…

Aktar