Barranin
Trump iwiegħed tranżizzjoni tal-poter b’mod ordnat

Il-President Amerikan Donald Trump wiegħed tranżizzjoni tal-poter b’mod ordnat u dan jum wara li dawk li jappoġġjawh daħlu b’mod vjolenti fil-Kungress Amerikan, u li kawża tal-ġlied u l-vjolenza mietu mill-inqas erba’ persuni u ndarbu għadd ta’ nies oħra. Wara li ġie sospiż minn fuq Twitter, Trump issa ddeskriva dak li ġara fil-Kungress bħala attakk malinn. Trump tkellem wara li l-ogħla demokratiċi fil-kungress talbu biex Trump jiġi mkeċċi mill-kariga, u dan tlettax-il jum qabel ma’ Biden għandu jingħata l-ġurament tal-ħatra.

Trump baqa’ sa issa ma jridx jikkonċedi t-telfa fejn sejjaħ l-elezzjoni bħala waħda qarrieqa li wasslet biex Biden jikseb il-poter.

Biss mill-messaġġ fuq Twitter issa Trump jidher li ċeda u qal li l-amministrazzjoni l-ġdida se tiġi inawgurata fl-għoxrin ta’ Jannar.