Barranin
Trump iwissi li r-rivali tiegħu jistgħu jisirqu l-elezzjoni Presidenzjali

Fl-ewwel jum tal-konvenzjoni tal-Partit Repubblikan f’North Carolina, il-President Amerikan Donald Trump wissa li r-rivali tiegħu jistgħu jisirqu l-elezzjoni Presidenzjali li ġejja hekk kif skont hu qed jużaw is-sitwazzjoni tal-Covid biex iwettqu frodi fuq il-voti tal-Amerikani. Waqt li kien qed jindirizza lid-delegati, Trump kompla jattakka s-sistema ta’ votazzjoni bil-posta li għalih hija l-iktar sistema qarrieqa. Il-biża’ hi li minħabba l-Coronavirus, is-sistema tal-posta tant marret lura li hemm dubji serji kemm id-dokumenti kollha tal-voti se jaslu biex jingħaddu kollha.

Trump bħalissa jinsab iffrustrat għaliex skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar min hu l-iktar favorit li jirbaħ l-elezzjoni li ġejja, ir-rival demokratiku Joe Biden qiegħed fuq quddiem.

Trump kien ukoll uża l-istess dikjarazzjoni fl-2016 meta fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, Hillary Clinton kienet fuq quddiem.

Bħala formalita lbieraħ Trump kien innominat uffiċjalment bħala l-kandidat presidenzjali għall-Partit Repubblikan. Huwa mistenni li jindirizza wkoll il-konvenzjoni nhar il-Ħamis li ġej.