Barranin
Trump jibqa’ ma jammettix it-telfa

Il-President Amerikan Donald Trump ikompli jwebbes rasu milli jammetti t-telfa, anki jekk stat ieħor, dak ta’ Michigan ikkonfermat li ntrebaħ minn Joe Biden, b’dawk li jirrapreżentaw lil Michigan fil-kungress qalu li r-rebħa ta’ Biden hija validata.

Iktar qabel, anki fl-istat ta’ Georgia, li normalment Repubblikana, ukoll ġie kkonfermat li Biden rebaħ anki jekk bi ftit fuq Trump. It-tim legali ta’ Trump ma rnexxilux jisfida r-riżultati elettorali u għalhekk ħadu direzzjoni oħra billi jikkonvinċu lir-Repubblikani fi stati fejn ħasbu li kellu jirbaħ Trump, biex jiddikjaraw li ma jaċċettawx ir-rebħa ta’ Biden u jgħaddu r-rebħa lil Trump.

Minkejja li Trump ma jridx jikkonċedi t-telfa, b’akkużi li l-proċess elettorali kien korrott, fl-għoxrin ta’ Jannar, Joe Biden se jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala s-sitta u erbgħin President tal-Istati Uniti. It-tim tranżitorju ta’ Biden diġa’ fassal l-ewwel prioritajiet fl-ewwel mitt jum ta’ tmexxija minn Biden.

Waqt li lbieraħ għamel indirizz fil-White House, Trump rrimarka li hu rebaħ din l-elezzjoni.