Barranin
Trump ma jikkommettix ruħu li jgħaddi l-poter jekk jitlef l-elezzjoni

Il-President Amerikan Donald Trump ma kkommettix ruħu li jekk fl-elezzjoni ta’ Novembru jitlef, jitlaq il-poter minn idu bil-kelma t-tajba.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-White House, Trump qal li rridu naraw x’se jiġri. Qal li jemmen li r-riżultat tal-elezzjoni jaf imur quddiem il-Qorti Suprema. Dan minħabba li reġa’ wera x-xettiċiżmu tiegħu għall-vot bil-posta.

Dan fi sfond li diversi stati qed jinkoraġġixxu li l-vot isir bil-posta sabiex iċ-ċittadin ikun protett minħabba l-imxiija tal-COVID-19.

Ir-risposta ta’ Trump ma kinitx sorpriża, fl-2016 meta kien qed itellaq għall-elezzjoni kontra l-kandidat tad-Demokratiċi, Hillary Clinton, kien irrifujata li jikkommetti ruħu li jaċċetta r-riżultat f’każ li jitlef.

Ma setax jonqos li t-tweġiba ta’ Trump iġġib reazzjoni. Is-Senatur Repubblikan, Mitt Romney, fuq Twitter, qal li t-transizzjoni paċifika tal-poter hija fundamentali għad-demokrazija. Qal li mingħajr dan ikun hemm l-istess storja tal-Belarussja.