Lokali
Turisti li jaslu f’Malta mingħajr id-dokumenti meħtieġa mġiegħla joqogħdu f’lukanda f’San Ġiljan

Kull min jidħol f’Malta mingħajr id-dokumenti meħtieġa marbuta mal-COVID-19, qed jiġi mġiegħel joqgħod f’lukanda ta’ erba’ stilel f’San Ġiljan. Dan permezz ta’ regoli ġodda li daħlu fis-seħħ mill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna.

Ir-regoli jorbtu lil dawk li jaslu f’Malta mingħajr test negattiv tal-PCR jew ċertifikat tal-vaċċin biex jibqgħu sejrin dirett fil-lukanda Marina li tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Huma qed jiġu mġiegħla jħallsu €100 għal kull lejl li jqattgħu f’din il-lukanda tul il-perjodu ta’ kwarantina u €120 oħra għat-test tal-PCR li jrid isir b’mod obbligatorju. Rapport f’The Times qal li dawn il-ħlasijiet ma jinkludux l-ikel, ix-xorb jew servizzi oħra fil-lukanda.

S’issa pajjiżna qiegħed jirrikonoxxi biss iċ-ċertifikat tal-vaċċin li joħroġ minn Malta u għalhekk kull turist / turista li jasal f’Malta jrid jippreżenta test negattiv tal-PCR li jkun ittieħed 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta.

Ir-residenti f’din il-lukanda jridu jibqgħu maqfulin f’kamarthom sakemm ma jingħatawx l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin.

Il-lukanda Marina ġiet approvata biex tilqa’ fiha persuna li jkunu jeħtieġu jagħmlu kwarantina mill-1 ta’ Ġunju. Il-lukanda għandha mitejn kamra u tista’ tilqa’ fiha bosta familji.

Sal-bieraħ hu rrapportat li kienu qed joqogħdu fiha 24 resident/a.