Lokali
Turisti li se jibbukkjaw btala f’lukanda f’Malta se jingħataw voucher sa €200

Minn Ġunju t-turisti li se jibbukkjaw direttament f’lukanda ta’ 3, 4 jew 5 stilel se jingħataw voucher ta’ bejn €100 u €200 biex jonfquh f’servizzi li toffri l-istess lukanda.

Il-Gvern ħabbar li din l-iskema, ta’ €3.5 miljun se tkun miftuħa għal turisti li jqattgħu btala f’Malta jew Għawdex ta’ tliet ijiem jew iktar.

Intant, l-operaturi tal-ivjaġġar jistgħu jibbenefikaw minn skema oħra ta’ 3 miljun ewro, biex ibigħu pakketti ta’ vjaġġar lejn Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ din is-sena. S’issa l-Awtorità tat-Turiżmu għamlet 75 arranġament ma’ operaturi minn diversi pajjiżi.

Il-Gvern ħabbar żewġ skemi mill-ministeru tat-turiżmu b’investiment ta’ €6.5 miljun biex jinċentivaw l-industrija turistika.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-ewwel skema ta’ €3.5 miljun hija mmirata għal turisti li jsiefru waħidhom u jibbukkjaw akkomodazzjoni f’lukandi ta’ tlieta, erba’ u ħames stilel. Huwa stmat li mal-35,000 turist jistgħu jibbenefikaw minn għotja ta’ 100 ewro jekk joqogħdu f’lukanda ta’ 5 stilel, 75 ewro f’lukanda ta’ 4 stilel u ħamsin ewro f’lukanda ta’ 3 stilel biex jonfquhom f’servizzi ta’ ikel, xorb u akkomodazzjoni.

Il-Ministru Bartolo qal li l-lukandi li se jieħdu sehem f’din l-iskema se jkunu obbligati li jirduppjaw l-għotja li se tingħata mill-Awtorità tat-Turiżmu biex b’hekk it-turisti li jżuru Malta se jkollhom bejn €100 u €200 x’jonfqu meta jibbukkjaw l-akkomodazzjoni tagħhom dirett mal-lukandi f’Malta u Għawdex. Il-Ministru Bartolo qal li l-lukandi f’Għawdex se jingħataw għaxra fil-mija iżjed fuq dan l-ammont.

“Aħna mexjin lejn settur turistiku verament sostennibbli. Wara ġenerazzjonijiet nitkellmu dwar kif se nimxu mill-masses għal turiżmu ta’ kwalità, issa qed naraw kif il-kwalità u l-kwantità, se jkunu qed jimxu id f’id. Permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi irridu nassiguraw ruħna li nibdew nattiraw it-turisti lejn pajjiżna kemm l-individual travellers u l-operaturi tal-ivvjaġġar. Aħna rridu nsaħħu dan is-settur biex b’mod gradwali u b’mod sostennibbli dan is-settur jibda jirkupra”, qal il-Ministru Bartolo.

It-tieni skema ta’ €3 miljun hija immirata għall-operaturi tal-ivvjaġġar b’75 ftehim mal-operaturi turistiċi ewlenin fosthom fir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, Franza, Spanja, il-Belġju, l-Olanda, il-Lussemburgu u l-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa.

Il-Ministru Bartolo qal li l-iskemi se jkunu qed jiġġeneraw ’l fuq minn €50 miljun fl-ekonomija Maltija.

Mistoqsi dwar l-andament ta’ bookings s’issa, il-Ministru Bartolo wieġeb li pajjiżna jinsab fuq quddiem nett partikolarment minn turisti Ingliżi.