Lokali
TVM bi skeda speċjali għall-Ġimgħa l-Kbira

Apparti l-funzjonijiet reliġjużi, l-iskeda ta’ Television Malta għal għada tinkludi diversi produzzjonijiet maħduma apposta fosthom kunċert ta’ mużika sagra mit-tenur Joseph Calleja rekordjat fi knisja barokka , ġojjell għal Malta,  il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Dan se jixxandar f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira fid-disgħa ta’ filgħaxija fuq Television Malta.

Produzzjoni speċjali fuq Television Malta fil-Ġimgħa l-Kbira mit-tenur Malti Joseph Calleja, bis-sehem ta’ għadd ta’ artisti internazzjonali mill-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-kunċert ta’ mużika sagra jippreżenta siltiet mir-reqiuem ta’ Verdi, kif ukoll Panis Angelicus, Ave Verum ta’ Mozart, Amazing Grace u tliet versjonijiet tal-Ave Maria – fosthom il-kompożizzjoni tat-tenur Taljan Andrea Bocelli.

Joseph Calleja qal “xtaqna nagħmlu r-requiem kollu ta’ Verdi, minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ma stajnhiex, minħabba distanza bejn artist u ieħor. Però għamilna siltiet mir-requiem ta’ Verdi fejn m’hemmx ovvjament bżonn il-kor kif ukoll arji u kanzunetti oħrajn ta’ mużika sagra.”

Joseph Calleja se jkun akkumpanjat mis-sopran Sondra Radvanovsky, mill-bass-baritonu Christian Van Horn u l-mezzo soprano Maltija Marvic Monreal, li hija studenta tal-Fondazzjoni ta’ Joseph Calleja u hija membru fl-Opera Studio fi Frankfurt.

“Opportunità perfetta għalija biex nesponi dak li tgħallimt dal-aħħar snin. Naħseb ħa tkun waħda minn dawk l-esperjenzi li dejjem tibqa’ tiftakar. Hija l-ewwel Verdi requiem tiegħi, jiġifieri ninsab kuntenta.”

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-Maestro Spanjol Ramon Tebar se tkun qed takkumpanja lill-artisti f’dan il-kunċert, li se jixxandar fil-Ġimgħa l-Kbira fuq TVM fid-disgħa ta’ filgħaxija.

Fil-ħdax ta’ filgħodu, TVM se jxandar il-kunċert sagru mis-sopran Miriam Cauchi – Lux Aeterna. Fl-isfond ta’ diversi knejjes f’Għawdex u oġġetti sagri, is-sopran Miriam Cauchi se tkanta siltiet sagri li jqanqlu riflessjoni dwar il-ġrajja tal-Ġimgħa Mqaddsa.

“Daħalna repertorju varjat. Għandna xogħlijiet minn Handel, affarijiet iktar kontemporanji u wkoll għadnan żewġ kompożizzjonijiet Maltin.”

Dan il-proġett qed isir bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan l-istess ministeru. Il-kunċert jerġa’ jixxandar fuq TVM2 fit-tmienja u kwart ta’ filgħaxija.

Wara l-Funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib mill-Katidral tal-Imdina, fil-ħamsa ta’ waranofsinhar, TVM se jxandar il-kunċert: ‘Mill-Baċir. . . Riflessjoni taħt Sema Kwiekeb. Dan hu kunċert ta’ mużika riflessiva mill-Filarmonika San Ġorġ ta’ Bormla taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Etienne Spiteri. Matul il-kunċert se jinqraw ukoll siltiet mill-Arċipriet ta’ Bormla, Dun Anton Cassar. Uħud mis-siltiet se jkunu akkumpanjati miż-żfin u drama.

Fis-sitta u kwart ta’ filgħaxija, TVM se jxandar il-produzzjoni “il-Mixja”. Esperjenza virtwali tal-mixja tul il-passjoni ta’ Ġesù Kristi, li fis-snin li għaddew kienet isir f’siti differenti u wara li s-sena li għaddiet tħassret minħabba l-Covid – din is-sena inġibdet biex tixxandar b’mod virtwali.