TVM ikkonfermat fuq quddiem anke fl-iskeda tas-sajf – l-aħbarijiet l-aktar segwiti

Television Malta u l-aħbarijiet ta’ TVM reġgħu kienu l-aktar favoriti mat-telespettaturi fi stħarriġ tal-udjenza li sar f’Lulju li għadda għall-Awtorità tax-Xandir. L-aħbarijiet ta’ TVM għandu udjenza li hija saħansitra akbar mill-udjenza tal-aħbarijiet taż-żewġ stazzjonijiet politiċi flimkien. Mill-Istħarriġ ħareġ li l-aħbarijiet tat-tmienja fuq TVM fis-sajf kellhom udjenza li qabżet il-75,000 u kien ukoll l-aktar programm li ssemma mit-telespettaturi li ġew intervistati fl-istħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Għalkemm fis-sajf hemm tradizzjoni li jonqsu l-udjenzi tat-televiżjoni, TVM żamm postu fil-quċċata bi kważi 37 fil-mija li qalu li segwew l-istazzjon nazzjonali. TVM kellu l-ogħla udjenza f’kull ġurnata tal-ġimgħa mit-Tnejn sal-Ħadd bl-akbar udjenzi jintlaħqu bejn is-sebgħa u nofs u l-għaxra ta’ filgħaxija.

L-istħarriġ wera li l-udjenza ta’ TVM kienet ta’ 36.6 fil-mija paragun ma’ 18.1 fil-mija ta’ ONE TV u 8.1 fil-mija għan-Net TV. L-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin kienu segwiti minn 66 fil-mija waqt li ftit inqas minn 34 fil-mija qalu li jsegwu stazzjonijiet barranin.

Ir-riċerka fost it-telespettaturi stħarrġet ukoll fuq l-aktar programmi popolari. Kważi 67 fil-mija tal-programmi preferuti mill-pubbliku huma dawk li jintwerew fuq TVM. B’kollox issemmew mal-mitt programm, iżda l-programm fl-iskeda ta’ TVM ikklassifikaw fl-ewwel ħames postijiet. Dawn kienu

l-aħbarijiet ta’ TVM li ssemmew minn 10.2 fil-mija tal-persuni intervistati u ġew l-ewwel post fost 12-il programm l-aktar favoriti, warajhom, Ċaqqufa b’9.5 fil-mija, Strada Stretta b’9.1 fil-mija, Katrina bi 8.4 fil-mija u Ħbieb u Għedewwa 8.3 fil-mija.

Barra minhekk kien hemm żewġ programmi oħra ta’ TVM  li huma Xarabank u Skjetti li kklassifkaw  ukoll mal-aktar 12-il programm li ssemmew mit-telespettaturi. B’kollox  għalhekk mit-tnax l-aktar programmi preferuti u popolari, kien hemm seba’ li huma ta’ TVM.

Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li d-Drama baqgħet l-iktar ġeneru popolari mat-telespettaturi, warajha l-aħbarijiet u l-programmi ta’ diskussjoni.

L-istħarriġ tal-awtorità tax-xandir stħarriġ ukoll l-udjenza tar-radju: fil-klassifika tal-14 ir-radju f’Malta, Radju Malta żamm postu bħala t-tielet l-aktar radju segwit. Ir-radju tal-mużika Bay Radio ġie fl-ewwel post waqt li fit-tieni post hemm One Radio waqt li Magic Malta ġie fil-ħames post.

It-tmexxija tal-PBS, waqt li raddet ħajr għall-fiduċja li reġgħet għal darb’oħra ntweriet mit-telespettaturi, tenniet l-impenn tagħha li tkompli toffri programmi ta’ kwalità u tkompli tonora l-obbligi tagħha ta’ bilanċ u imparzjalità fl-aħbarijiet. Dan hekk kif qed tħejji għal skeda ġdida ta’ programmi li jibdew mit-2ta’ Ottubru.