Televiżjoni u Radju
TVM iżid l-udjenzi f’Jannar: popolari l-X Factor Malta u x-xandiriet ta’ avvenimenti nazzjonali

Permezz ta’ ċifri preċiżi mis-sistema teknoloġika tal-Melita u kkonfermati mill-istatistiku Dr Vincent Marmara, dan ix-xahar, Television Malta laħaq udjenzi ferm akbar mis-soltu fost oħrajn bix-xandiriet diretti tal-avveniment politiċi mtella’ miċ-ċentru tal-aħbarijiet kif ukoll bil-programm X-Factor.

Kejl tal-udjenzi jikkonferma li f’Jannar Television Malta kompla kabbar l-udjenzi; bil-pubbliku fittex l-istazzjon nazzjonali biex segwa l-aħbarijiet, xandiriet diretti tal-avvenimenti ta’ ġrajjiet kurrenti u anke d-divertiment għall-familja permezz ta’ X-Factor Malta li laħaq l-ogħla udjenza mill-iskeda kollha tal-programmi.

Wara l-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista, it-Tnejn 13 ta’ Jannar waranofsinhar, qrib il-mitt elf persuna raw fuq Television Malta x-xandira ta’ erba’ sigħat li wasslet lit-telespettaturi ċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid, Robert Abela. Ix-xandira kienet parti minn programm speċjali li tella ċ-ċentru tal-aħbarijiet, bi programm mill-istudio bis-sehem ta’ diversi opinjonisti, u kollegamenti diretti mill-Palazz il-Belt fejn saret iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra, il-mixja tal-Prim Ministru tul Triq ir-Repubblika u d-dħul fl-uffiċċju tiegħu fil-berġa ta’ Kastilja. L-istess xandira, segwewha aktar minn 10,000 persuna oħra permezz tas-sit elettroniku tal-istazzjon: tvm.com.mt

Jumejn wara, fil-15 ta’ Jannar, udjenza ta’ 82,800 persuna u iktar minn 5,000 ruħ oħra, segwew onlajn xandira oħra diretta mill-Palazz, il-Belt tal-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett il-ġdid. Il-PBS qal li dawn huma kunsidrati bħala udjenzi kbar meta wieħed iqis li x-xandiriet saru kmieni waranofsinhar.

L-edizzjoni tal-programm DISSETT tal-15 ta’ Jannar fl-ewwel intervista esklussiva mal-Prim Ministru f’xandira diretta mill-Berġa ta’ Kastilja, kellha udjenza ta’ aktar minn 133,000 ruħ. Anke l-udjenza tal-programm Xarabank mal-Prim Minisru u l-familja tieghu, tal-Ġimgħa 17 ta’ Jannar, qabżet il-133,000 ruħ.

Dawn ix-xandiriet involvew l-impenn tal-istaff tekniku u tal-operat tal-istazzjon fi żmien meta l-istess ħaddiema kienu impenjati bil-kbir fil-produzzjoni ta’ X-Factor Malta. It-tieni liveshow, il-Ħadd li għadda, laħaq l-ogħla udjenza għal Television Malta f’Jannar. Dakinhar 145,000 persuna segwew il-programm f’xandira diretta miċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali. Dan ifisser li 55.3% ta’ dawk li kienu qed isegwu stazzjonijiet lokali, kienu qed jaraw X-Factor fuq TVM.

Dan l-istħarriġ sar permezz ta’ Melita plc, b’metodu approvat xjentifikament mill-istatistiku Dr Vincent Marmara.

 

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Il-Karnival tant mistenni, aktarx l-aktar miċ-ċkejknin, jinsab magħna. Madanakollu, lil hinn mill-bluha u x-xalar li jikkaratterizzaw xi ftit jew wisq dawn il-jiem ta’ briju, ‘Sibtek’ illum jissokta b’programm ieħor mimli…

Kultura

Il-Karnival iferraħ lil ħafna nies, minn tfal sa kbar, b’nies bħal Ġeorge Żahra li ilu nvolut fil-Karnival għal nofs seklu. Iħossu qisu tifel meta jasal Frar u jibda r-Renju tal-bluha….

Riċerka

L-użu tal-Malti u l-Ingliż ser jiġi analizzat permezz ta’ serje ta’ seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti taħt il-patriċinju tal-President George Vella. Thomas Pace, id-direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti qal li l-istudju…

Aktar