Televiżjoni u Radju
TVM2 illejla jxandar mument straordinarju ta’ talb mill-Papa

Il-Papa Franġisku llejla ser imexxi mument straordinarju ta’ talb mill-Vatikan, fid-dawl tal-pandemija li ħakmet il-pajjiżi madwar id-dinja.

Minn Pjazza San Pietru, mingħajr nies preżenti fil pjazza, ser tiġi pproklamata l-Kelma ta’ Alla, isir mument ta’ adorazzjoni tas-Sagrament Imqaddes, u wara l-Papa ser jagħti l-Barka Urbi et Orbi, bil-possibbiltà li wieħed jirċievi l-indulġenza plenarja.

Il-Papa Franġisku qed jistieden lill-Insara kollha jingħaqdu miegħu fit-talb permezz tal-mezzi
ta’ komunikazzjoni soċjali.

Il-Papa ser iwassal ukoll ir-riflessjonijiet tiegħu wara li tiġi pproklamata l-Kelma ta’ Alla.

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex, fuq talba tal-Isqfijiet, il-knejjes kollha
ser idoqqu mota, kwarta qabel it-talb mill-Vatikan, jiġifieri fis-5:45pm, biex isejħu lill-Insara jingħaqdu fit-talb mal-Papa Franġisku.

Dan il-mument straordinarju ta’ talb li ser imexxi l-Papa ser jixxandar fis-6.00pm fuq TVM2.