Lokali
Twaħħlu kameras apposta biex jinqabdu vetturi bi pjanċi barranin

Transport Malta intensifikat ħidmietha biex tieħu azzjoni dwar vetturi bi pjanċi barranin li ma jkunux reġistrati jew li jkunu qed iwettqu xi kontravenzjoni.

Kelliem għal Transport Malta qal li barra l-proċedura tal-clamping mar-roti jew irmonk tal-vetturi, issa hemm sistema ta’ kameras f’postijiet strateġiċi li qed tgħin biex jiġu identifikati dawn il-vetturi.

Fis-sitt xhur li għaddew, 250 vettura bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin ġew ikklempjati u 173 oħra ġew irmunkati.

Transport Malta għandha tmien uffiċjali fit-taqsima tal-infurzar iddedikati biex jieħdu azzjoni meta vetturi bi pjanċi barranin ikunu qed jiksru il-liġijiet.

TVM hu nfurmat li qed ikun hemm sitwazzjonijiet fejn sewwieqa jsuqu bir-roti ikklampajti. Fil-maġġoranza tagħhom jinqabdu u jkollhom iħallsu l-multi u l-ħsarat li jkunu kkawżaw.

Vince Micallef Pule, uffiċjal fi Transport Malta, qal li dan l-infurzar għen biex diversi sidien Maltin u barranin li kellhom karozzi bi pjanċi barranin irregolarizzaw il-pożizzjoni billi rreġistraw il-vetturi kif suppost mal-awtorità.

“F’għajnejn il-liġi, abbużi ta’ dan it-tip jikkostitwixxu evażjoni ta’ taxxa, u tant hu hekk, is-sanzjonijiet riflessi fil-liġi jirriflettu l-gravità ta’ sitwazzjoni bħal din. Jekk vettura iddaħlet Malta, trid titħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuqha,” qal Micallef Pule.

Transport Malta qed tidentifika vetturi bi pjanċi barranin permezz tal-automatic number plate recognition b’ħames kameras f’postijiet strateġiċi bħal Paceville, Ħal Qormi u l-Imsida, u ser ikunu installati aktar cameras minn dawn.

“Xogħolhom hu li jidentifikaw in-number plates ta’ vetturi li jinsabu fit-triq u li mhux suppost jinsabu fit-triq. Jew għax ma jkollhomx il-liċenzja mħallsa, jew għadhom ma ġewx reġistrati biex jintużaw fit-triq, u dawn l-ampr cameras javżaw lis-sistemi ta’ Transport Malta,” spjega Micallef Pule.

Is-Sur Micallef Pule qal li mhux kull vettura bi pjanċi barranin tkun irregolari għax uħud ikollhom permess temporanju. Hu spjega li vetturi bi pjanċi barranin li ma jiġux reġistrati jeħlu multa ta’ €30 kuljum sakemm jiġu konformi mar-regoli.

L-Uffiċjal ta’ Transport Malta qal li s-sidien li l-karozzi tagħhom jiġu kklampjati qed ikollhom iħallsu multa ta’ €180 flimkien mal-multi li jkunu akkumulaw mindu jkunu naqsu li jirregistraw il-vettura.

F’każ li vettura tiġi rmunkata, l-multa tiżdied b’€235. Is-sidien imbagħad ikollhom xahar biex iħallsu l-pendenzi, qabel Transport Malta tpoġġihom għall-irkant. Minħabba l-multi akkumulati, ħafna drabi dawn ma jinbiegħux u jiġu skrapjati.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’Tas-Sliema, main bi pressjoni ogħlja spiċċa biex faqa’ l-bankina u ħasel il-karozzi pparkjati fil-viċin. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu fuq il-post is-Sibt filgħaxija biex isolvu problema. Għat-tiswijiet kellha wkoll tingħalaq il-provvista…

Lokali

Minħabba li qed iċedi l-blat fil-bajja ta’ Għar Lapsi, kellu jingħalaq l-aċċess għal parti oħra minn din il-bajja, msejħa west cove. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti…

Lokali

Id-DJ Olandiż, Mike Williams, magħruf mad-dinja kollha għall-mużika house u future house li jipproduċi, għażel biex jiġbed filmat tal-aħħar diska li ħareġ f’Kemmuna. Id-DJ żagħżugħ li għandu biss 21 sena,…

Aktar