COVID-19
Twaqqaf Ċentru ta’ Swabbing u Contact Tracing għad-Djar tal-Anzjani

L-Awtorità  tal-iStandards għall-Ħarsien Soċjali waqqfet Ċentru ta’ swabbing u contact tracing bħala miżura biex jillimitaw l-imxija tal-Covid fi 39 dar tal-anzjani, jiġifieri tal-Gvern, Knisja u Privati li f’daqqa r-residenti jammontaw għal 4,000. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa tant li minn Ġunju s’issa saru 30,000 swab test fuq anzjani u ħaddiema f’dawn id-djar.

Il-Kap tal-Operat tal-Awtorità Michael Mizzi qal li fuq perjodu ta’ ġimgħa qed jkunu ttestjati mat-tletin fil-mija tar-residenti u staff bil-għan li jassiguraw li l-virus ikun taħt kontroll. Żied jgħid li matul dan l-aħħar xahar l-Awtorità qed tagħmel it-testijiet fid-djar kollha tat-tfal, u tal-persuni b’diżabilità. Is-Sur Mizzi qal li li l-Awtorità tqassam il-kits tal-iswabs fid-djar tal-anzjani, tat-tfal u tal-persuni b’diżabilità, bil-ħaddiema jieħdu ħsieb jagħmlu s-swabs. B’kollox qed jitqassmu mat-tlett elef swab kit fil-ġimgħa.

Dylan Cutajar, Practice Nurse fi ħdan l-Awtorità qal li kuljum qed isir moniteraġġ tal-prattiċi li qed jintużaw mid-djar tal-anzjani, tat-tfal u tal-persuni b’diżabilità fuq kontroll tal-infezzjonijiet.

L-Uffiċjali tal-Awtorità qalu lil TVM li s-swab tests jintbagħtu fil-laboratorji tal-Isptar Mater Dei, jiskatta proċess ta’ contact tracing immexxi mill-Awtorità biex jaraw min kellu kuntatt ma’ min irriżulta pożittiv. L-awtoritajiet tas-saħħa jinfurmaw lil min instab pożittiv u min għandu joqgħod fi kwarantina mandatorja.

Claire Vella, il-Kap tal-Ispettorat tal-Awtorità tal-iStandards għall-Ħarsien Soċjali qalet li minbarra x-xogħol marbut mal-Covid, l-Awtorità baqgħet għaddejja bl-ispezzjonijiet kontinwi fid-djar kollha, kemm dawk tal-anzjani, persuni b’diżabilità u djar tat-tfal.

Minn Jannar sa Settembru 2020 l-Awtorità wettqet 1,012-il spezzjoni f’residenzi tal-anzjani. Dan l-infurzar u l-moniteraġġ qed isir bil-għan li jkun żgurat li l-protokolli u l-istandards ikunu qed jiġu segwiti biex titrażżan l-imxija tal-Covid fid-djar tal-anzjani, tat-tfal u tal-persuni b’diżabilità.