Kurżitajiet
Twelled tarbija minkejja li tinsab f’koma

Mara li kienet ilha f’koma tliet xhur u nofs minħabba kundizzjoni f’moħħha rnexxielha twelled tarbija fl-isptar ta’ Carlo Poma ta’ Mantova.  It-tarbija, li twieldet ilbieraħ wara 8 xhur tqala, tinsab tajba.

Il-ħlas seħħ minn tim ta’ 30 persuna bejn tobba, infermiera u tekniċi ggwidati mill-ġinekologu Giampaolo Grisolia.  Mhux ċert jekk il-mara kinitx konxja li welldet lit-tifla.

Il-mara ta’ 33 sena tinsab f’koma u għalkemm tieħu n-nifs waħidha, ma tistax titkellem.  Li hu żgur li rnexxielha twelled minkejja li f’nofs it-tqala spiċċat f’din il-kundizzjoni.

Għat-twelid tat-tarbija, kemm l-omm kif ukoll it-tarbija kienu f’periklu kbir li jistgħu jmutu.  Iżda wara li t-tobba kienu ċerti li l-organi tat-tarbija kienu żviluppaw biżżejjed, ippjanaw l-intervent u wara li għamlu epidural lill-omm, irnexxielhom itemmu b’suċċess it-twelid tat-tarbija.

Jirriżulta li meta welldet, l-omm fetħet għajnejha kemm-il darba, iżda ma qalet xejn.  Għalkemm aktarx l-omm ma tafx x’ġara, madanakollu kien hemm missier it-tarbija u n-nanna jistennew barra s-sala tal-operazzjoni tul l-intervent kollu.

It-tarbija jidher li twieldet b’piż tajjeb u għandha l-organi kollha jaħdmu tajjeb.  Iżda bi prekawzjoni, it-tobba ddeċidew li jitrasferixxu lit-tifla fid-dipartiment tat-trabi tal-istess sptar biex jaċċertaw li għandha kollox sew.

Rigward l-omm, it-tobba għadhom ma jistgħu jgħidu xejn dwar hux se tagħmel progress jew le.  Sakemm tikkomunika magħhom, it-tim mediku ma jistax jgħid jekk it-twelid tat-tarbija affettwax il-kundizzjoni tal-omm.