Barranin
Twiebet f’Lampedusa għall-immigranti mgħerrqa, il-Ġermanja twissi b’influss

F’sala fil-gżira Taljana ta’ Lampedusa tqiegħdu 13-il tebut bil-katavri tal-immigranti nisa li nstabu mejta, wara li d-dgħajsa li kienu fuqha, b’madwar ħamsin immigrant, għerqet f’baħar qawwi fl-aħħar traġedja fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Il-gwardji tal-Kosta Taljana qalu li 13-il raġel u 9 nisa salvaw, waqt li għadd ta’ immigranti, ħafna minnhom tfal, għadhom ma nstabux.

Wieħed mill-immigranti salvati qal li ma kellux kliem biex jiddeskrivi t-trawma li għaddew minnha, u d-dulur meta jiftkar li fost il-mejta hemm żewġ itrabi tat-twelid u żewġt itfal li waqgħu mid-dgħajsa.

Il-Gvern Taljan qal li sa mill-bidu ta’ din is-sena waslu kważi 8,000 immigrant bid-dgħajjes, tnaqqis ta’ aktar minn sittin fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Sadanittant, il-Gvern Ġermaniż wissa li l-Ewropa jaf terġa’ tesperjenza influss kaotiku tal-immigranti bħall-2015, meta l-Unjoni Ewropea kienet inqabdet fuq sieq waħda.

F’kummenti qabel il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern, il-Ministru tal-Intern tal-Ġermanja, Horst Seehofer qal li n-nuqqas ta’ politika komuni Ewropea fuq l-immigrazzjoni jaf twassal għal influss mhux kontrollat ta’ immigranti madwar l-Ewropa.

It-twissija saret waqt li l-awtoritajiet tal-Greċja u Ċipru qed jerġgħu jirrappurtaw bosta wasliet ta’ immigranti mit-Turkija li magħha l-Unjoni Ewropea kienet laħqet qbil biex trażżan it-tluq tal-immigranti.

Fil-laqgħa kellha ssir diskussjoni fuq il-pjan maqbul f’Malta x-xahar li għadda bejn ħames ministri tal-intern biex ikun hemm sistema temporanja ta’ rilokazzjoni tal-immigranti li jiġu salvati fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Ikompli ż-żmien ta’ inċertezza fir-Renju Unit bi Brexit jitħabbel iżjed kulma jmur u iktar ma toqrob il-ġurnata li fiha r-Renju Unit għandu jħalli lill-Unjoni Ewropea, nhar il-Ħamis 31 t’Ottubru. Minkejja…

Barranin

Xarabanks ħuġġieġa waħda, suldati armati sa snienhom fit-toroq u konfronti vjolenti mad-dimostranti li ħarġu jipprotestaw fil-kapitali Cilena Santiago, ftit jidher li battew. Il-pulizija qalet li kellha tuża l-gass tad-dmugħ biex…

Barranin

Skeletru ta’ balena f’qiegħ il-baħar ħalla xjentisti impressjonati b’xena mimlija attività li ma stennewx. Il-mewt tal-balena saret sors ta’ ħajja għal kreaturi oħra, b’ħafna qarniet, ħut, granċijiet, dud u ħlejjaq…

Barranin

Meghan Markle u l-Prinċep Harry se jieħdu brejk. Mhux brejk minn xulxin iżda mill-ġenn tal-ħajja pubblika. Il-kopja rjali qed tippjana li tieħu lil binhom ta’ 5 xhur Archie Harrison l-Amerka għall-ewwel…

Aktar