Stejjer Umani
Twieldet mill-ġdid xahrejn ilu meta sarilha trapjant tal-fwied fl-Ingilterra

It-tifla Ellie Portelli, li kienet ilha aktar minn sentejn tistenna trapjant tal-fwied reġgħet lura Malta mill-Ingilterra wara li xahrejn ilu saritilha l-operazzjoni li tant kienet ilha tistenna. Għalkemm l-operazzjoni għaddiet b’wiċċ il-ġid, Ellie jonqosha operazzjoni oħra biex tkun tista’ tgħix ħajja normali.

Iċ-ċkejkna Ellie Portelli għalqet tliet snin ġimagħtejn ilu iżda fil-verità twieldet mill-ġdid xahrejn ilu meta sarilha trapjant tal-fwied fl-Ingilterra biex issa tista’ tkompli b’ħajjitha.

Għal sentejn u xahrejn, Ellie kellha tibqa’ fl-appartament ta’ Puttinu fl-Ingilterra, tistenna u tittama li jinqala’ fwied li jkun jaqbel magħha. It-telefonata tant mistennija waslet għand ommha Jeclohan fis-sitta ta’ filgħodu tat-tlieta ta’ Settembru. Bdew minnufih it-testijiet biex it-tobba jikkonfermaw li l-fwied jaqbel ma’ Ellie li kellha tinżamm sigħat sajma sakemm l-infermiera ikkonfermat li l-operazzjoni se ssir.

”Nifraħ bil-ferħ għax qabel il-fwied u se ssir l-operazzjoni. Intant, tibda tibża’, taqbdek ċertu biża’ fik, li ma mmurx jinqala’ xi ħaġa fit-theatre.”

L-operazzjoni tat-trapjant tal-fwied damet tmien sigħat li matulhom il-ġenituri ta’ Ellie kienu infurmati b’dak li kien għaddej. Ftit ġranet wara l-operazzjoni Ellie nħarġet mill-isptar King’s College imma kellha tibqa’ l-Ingilterra sa tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Ellie trid tibqa’ tieħu l-mediċini u jonqosha operazzjoni oħra minħabba li l-fwied kien ħarira kbir għaliha u l-muskolu ta’ ġewwa kellu jitħalla miftuħ sakemm il-fwied jieħu postu.

”Għalissa Ellie ma tista’ tmur imkien, fl-għeluq speċjalment, skola għax jekk taqa’ d-daqqa jieħdu l-fwied, għax m’hemmx muscle. Kif tingħalaq tkun tista’ tgħix ħajja normali.”

Jeclohan qalet li tirringrazzja lil Alla li l-operazzjoni saret u lid-donatur li f’ħajtu ffirma li l-organi tiegħu jistgħu jingħataw għat-trapjanti. Sostniet li tant hi grata, li permezz tal-kordinatur tal-organi fl-Ingilterra se tipprova tiltaqa’ mal-familja tad-donatur fil-ġejjieni.

Omm Ellie spjegat li dawn is-sentejn u xahrejn l-Ingilterra fissru sagrifiċċji kbar, mhux biss minħabba li kellhom jgħixu hemmhekk u ma setgħux lanqas joħorġu wisq lit-tifla.

”Hi kienet tieħu l-UV light, trid tagħmel 12-il siegħa taħthom, bil-paċenzja kollha tiegħi noqgħod nilgħab magħha u naljenaha biex kienet toqgħod taħt id-dawl.”

Jeclohan qalet li dan kollu kien possibbli bl-għajnuna fost l-oħrajn ta’ Puttinu, il-Malta Community Chest Fund, u tas-saċerdoti Franġiskani Konventwali li qed iservu lill-Maltin li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

F’żewġ każijiet separati, llum żewġt irġiel ippruvaw iweġġgħu lilhom infushom waqt li kienu miżmuma fil-lock-up tal-Pulizija. L-ewwel każ seħħ fis-sagħtejn neqsin kwart u nvolva raġel Eġizzjan, waqt li t-tieni każ…

Attività

Min-nhar l-Erbgħa sal-Ħadd li ġej it-toroq fiċ-ċentru tar-Rabat qed jilqgħu ir-raba’ edizzjoni ta’ Natalis Notabilis, l-ikbar villaġġ tal-Milied f’Malta. Fost l-attrazzjonijiet, bankarelli b’ikel tradizzjonali tal-Milied, logħob għat-tfal u produzzjonijiet tad-drama…

Politika

Ikomplu jterrqu fil-lokalitajiet u anke fuq il-mezzi tal-media biex jirbħu l-qlub u l-vot tal-attivisti Laburisti li fil-11 ta’ Jannar iridu jgħażlu bejn id-deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-Deputat Robert…

Qorti

Mara u raġel skansaw il-ħabs u ġew illiberati mill-akkużi kollha wara li appellaw minn sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati. Anne Axiak ta’ 48 sena kienet weħlet 14-il xahar ħabs u Edward Grech…

Aktar