Reliġjon
Twieled il-Qala, għex Ta’ Kerċem u issa Kardinal il-Vatikan

Monsinjur Mario Grech għandu 63 sena. Twieled u tgħammed fil-parroċċa tal-Qala nhar l-20 ta’ Frar 1957. Hu iben George u Stella . . . il-kbir fost ħames aħwa. Ta’ età żgħira, il-familja marret toqgħod fir-raħal ta’ Kerċem fejn attenda l-iskola tas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani u l-iskola primarja. Wara li temm is-Sekondarja, fl-1977 beda l-kors tal-filosofija u aktar tard tat-teoloġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex nhar is-26 ta’ Mejju 1984, minn idejn l-Isqof Nikol Cauchi. Wara, hu ntbagħat Ruma fejn kiseb il-liċenzja fil-liġi kanonika u ċivili fl-Università Pontifiċja tal-Lateran. Aktar tard, Dun Mario kiseb id-Dottorat fil-Liġi Kanonika mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas t’Akwinu. F’Ruma wettaq ħdima pastoriali fil-parroċċa fejn kien jgħix u ħadem fit-Tribunali tal-Knisja, kemm fil-Vigarjat kif ukoll fis-Sacra Romana Rota.

Lura f’Għawdex, hu ngħata diversi ħidmiet fil-Kurja fejn għal diversi snin kien l-Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Fl-1993 hu nħatar Vigarju Ġudizzjali għat-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex u Imħallef fit-Tribunal tal-Knisja f’Malta.

Fl-2004, inħatar Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor f’Ta’ Kerċem. Sena wara, nhar is-26 ta’ Novembru 2005, Dun Mario ġie nominat mill-Papa Benedittu XVI bħala t-tmien Isqof ta’ Għawdex. Il-Konsagrazzjoni u l-Ingress ta’ l-Isqof Mons. Mario Grech saru fil-Katidral ta’ Għawdex, nhar it-22 ta’ Jannar 2006.

Nhar it-2 ta’ Ottubru 2019, il-Papa Franġisku ħatru bħala ProSegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Il-Papa kien talbu jibqa’ fit-tmexxija tad-djoċesi ta’ Għawdex bħala Amministratur Appostoliku sakemm tħabbar is-suċċessur tiegħu, Dun Anton Teuma, li ġie konsagrat Isqof fis-Sajf li għadda. Mill-15 ta’ Settembru, l-Isqof Mario Grech beda jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Fil-Vatikan, l-Isqof Grech hu wkoll membru fil-Kummissjoni Pontifiċja għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara. Nhar il-25 ta’ Ottubru, wara t-talba tal-Angelus il-Papa ħabbar li Monsinjur Mario Grech se jkun wieħed minn 13-il Kardinal ġdid li se jinħatru waqt Konċistorju li se jitlaqqa’ llum.