Twissija fuq il-periklu li wieħed jibla l-‘laughing gas’

Fl-Ingilterra ħarġet twissija fuq il-periklu li wieħed jibla l-“laughing gas”.

Dan il-gass, magħruf bħala ‘nitrous oxide’ li jintuża l-aktar fil-mediċina b’mod partikolari fid-dentistrija, sar imfittex ħafna bħala droga rikreattiva, minħabba l-effetti rilassanti tiegħu.

Huwa stmat li mal-500,000 żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ingilterra jieħdu spiss minn dan il-gass.

L-Assoċjazzjoni tal-Gvern Lokali Ingliża wissiet li l-konsum regolari ta’ dan il-gass jista’ jwassal biex il-ġisem ikun nieqes mill-ossiġnu u jirriżulta fi pressjoni baxxa, ħass ħażin u anke attakki tal-qalb.

Jista’ jwassal ukoll għal livel ta’ ħadid baxx ħafna fid-demm u anke avvelenar tas-sistema ċentrali tan-nervituri.

F’kumment lil tvm.com.mt, it-Tabib George Grech, id-direttur kliniku tal-Aġenzija Sedqa, li taħtu jaqa’ wkoll id-Detox, qal li sa llum f’Malta ma kinux irrapurtati każi ta’ din id-droga rikreattiva.