Annimali
Tyto u Alba – l-ewwel koppja ta’ barbaġġan fi proġett biex l-ispeċi titkattar fis-selvaġġ

Tyto u Alba huma l-ewwel par barbaġann li se jvaraw proġett li beda b’inizjattiva tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) bil-għan li din l-ispeċi terġa’ tibda titkattar fis-selvaġġ.

Meta l-barbaġann jingħaqdu f’koppja, normalment jibqgħu flimkien għal għomorhom, fejn spiss jużaw l-istess bejta u kull staġun iwettqu r-ritwali ta-namur flimkien mill-ġdid.

Il-barbaġann femminili Alba (fuq) u seħibha Tyto (isfel)

Tyto u Alba, li isimhom ġej mill-isem xjentifiku tal-ispeċi, se jinżammu f’guva fil-Buskett, bil-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia jħabbar li se tiżdied is-sigurtà fl-inħawi tar-razzett permezz ta’ investiment f’kameras tas-sigurtà.

Qal li dan l-investiment se jkun qed jiżgura li mhux biss jiġu protetti r-razzett u t-tajr, iżda wkoll jagħmel iż-żona tal-Buskett aktar sigura u jipprevjeni reati u inċidenti bħal rimi ta’ skart, serq, nirien u vandaliżmu.

Il-kordinatur tal-proġett, Lucas Micallef, qal li dan huwa pass importanti għall-bijodiversità ta’ pajjiżna, fejn bl-assistenza ta’ filmati diretti ta’ Tyto u Alba, il-pubbliku jkun jista’ jsegwi l-atteġjament tagħhom, bit-tama li jkun hemm tnissil u b’hekk il-barbaġann ikun jista’ jerġa’ jibda jirritorna fis-selvaġġ.

Waqt żjara fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, sit amministrat mill-FKNK, il-Ministru pparteċipa f’attività biex jinżeraw diversi żrieragħ ta’ siġar indiġeni, fosthom tal-ħarrub u taż-żnuber, miġbura mill-Buskett stess.

Il-proġett tal-barbaġann huwa appoġġat mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji għall-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi.