Uffiċċju li jiffaċilita l-proċess ta’ investiment f’pajjiżna

Huwa fl-interess ġenerali ta’ Malta li jiġi żgurat li proġetti ta’ investiment jiġu evalwati estensivament kontra kwalunkwe theddid jew riskju.

F’Marzu tal-2019, il-Parlament Ewropew adotta ir-Regolament (UE) 2019/452, li jistabbilixxi qafas għall-skrinjar estensiv ta’ investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Ir-regolament, li daħal fis-seħħ f’April tal-istess sena, japplika għal kwalunkwe tranżazzjoni li saret wara Ottubru 2020. NFDIS Malta li twaqqaf f’April ta’ 2020, beda il-mekkaniżmu effikaċi ta’ skrinjar bejn dan l-uffiċċju, stati membri oħra u l-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żgurata t-trasparenza tan-negozji.

Dan isir billi l-partijiet interessati jinfurmaw lil xulxin b’investimenti diretti barranin li jistgħu jheddu s-sigurtà jew l-ordni pubblika. Taħt il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, NFDIS Malta qed jiġu kontinwament infurmati u konxji ta’ investimenti diretti barranin li huma pjanati jew kompletati f’pajjiżi Ewropew. L-istess investimenti ikunu fiċ-ċentru ta’ diskussjoni sabiex jiġu analizzati aktar fil-fond iċ-ċirkostanzi li jirriżultaw minn proġetti bħal dawn speċjalment fejn tidħol is-sigurtà u l-ordni pubblika ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea.

Essenzjalment, NFDIS Malta tgħin biex terġa tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza f’investiment dirett barrani u biex jiġi żgurat li l-investituri barranin imexxu n-negozju f’pajjiżna b’integrità u trasparenza. Bethany Magro, Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet stqarret li ilha tifforma parti minn dan l-uffiċċju sa mill-bidu tiegħu f’April 2020; “l-akbar sodisfazzjon li jtini dan ix-xogħol huwa ċ-ċertezza li proġetti barranin ma jindirizzawx theddid għas-sigurtà jew l-ordni pubblika ta’ pajjiżna. Jirnexxilna nagħmlu dan billi noħolqu numru ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fuq il-proġetti, filwaqt li nqajjmu wkoll kuxjenza u nipprovdu feedback dwar proġetti sottomessi minn stati membri oħra u li potenzjalment ikollhom impatt fuq is-sigurtà jew interessi ġenerali ta’ pajjiżna”.

Tenniet li irwol ta’ dan l-uffiċċju jew aħjar dan il-qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin mhuwiex maħsub biex joħloq burokrazija żejda jew biex jagħlaq swieq għal ċerti investituri, iżda sabiex jidentifika kwalunkwe riskji relatati mas-sigurtà u l-ordni pubblika ta’ Malta.