Lokali
Uffiċċju tal-Vatikan f’Malta jħeġġeġ aktar nies jagħmlu xogħol missjunarju

Matul dan ix-xahar l-Uffiċċju Missio fi ħdan il-Knisja Kattolika jkun impenjat ħafna aktar biex ifakkar l-ġurnata missjunarja li tkun ċċelebbrata għada l-Ħadd 24 ta’ Ottubru u anke joħloq kuxjenza akbar tax-xogħol missjunarju li twettaq il-Knisja permezz ta’ 120 uffiċċju li għandha madwar id-dinja.

Dawk kollha li jikkontribwixxu biex persuni fl-artijiet tal-missjoni jingħataw l-għajnuna li tant għandhom bżonn biex ħajjithom titjieb jew anke saħansitra tkun suċċess huma missjunarji tant li l-uffiċċju Missio f’Malta għażel it-tema Missio Int.

Il-ġurnata missjonarja tgħaqqad lid-dinja kollha taħt dan l-għan uniku biex b’ħidma kollettiva tingħata l-għajnuna f’waqtha lil dawk li tant għandhom bżonnha.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Uffiċċju Mission fi ħdan il-Knisja, Robert Farrugia, qal l-iskop huwa li l-missjoni tkompli tkun sostnuta.

“Il-benefettari kollha għax permezz tagħhom il-missjurarju nkomplu nsostnuh … għalhekk il-Missio ħarġet bi slogan ‘il-Missio Int’ għax aħna nemmnu li l-Missio mhix aħna li naħdmu bħala voluntiera imma huwa l-poplu kollu li dejjem ikkonkorra, il-ġenerożità tiegħu dejjem rajnieha, allura din il-ġurnata hija ta’ kulħadd fejn infakkru l-missjoni kollha”.

Il-Missio tieħu ħsieb mal-120 proġett fi tliet kontinenti iżda din is-sena qed tiffoka fuq proġett kbir li qed isir fil-Kambodja fejn qed jinbena ċentru biex jilqa’ persuni li sfortunatament rifsu landmines li minnhom hemm moħbija miljuni fl-art bil-konsegwenza li l-isplużjoni taqtalhom saqajhom.

“Wieħed mill-proġetti li qed nippruvaw inwasslu l-messaġġ tiegħu din is-sena huwa l-proġett tal-Kambodja fejn permezz tiegħu Bishop Kike qed jiġbor nies, tfal u żgħażagħ li kienu sfortunati li weġġgħu jew ġew diżabbli minħabba l-landmines u permezz ta’ dan iċ-ċentru qed iħarriġhom, qed jagħtihom l-iskola u s-snajja biex dawn jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. U permezz ta’ Bishop Kike ħafna żgħażagħ jerġgħu jidħlu jaħdmu b’wieħed minnhom Chen li anke qed narawh fil-filmat dak għada pitgħada se jkun qed jgħallem it-teknoloġija, l-IT”.

L-ufficcju Missio huwa wieħed minn 120 li l-Vatikan għandu mifruxa madwar id-dinja li lkoll jikkollaboraw biex isiru għexieren ta’ proġetti fost dawk l-aktar li għandhom bżonn.

Matul dan ix-xahar l-Ufficcju Missio qed itella’ għexieren ta’ attivitajiet fosthom fl-iskejjel biex irawwem anke fit-tfal l-ispirtu missjunarju ħalli jitgħallmu jaħsbu f’ħaddieħor.