Temp
Uffiċjal metereoloġiku jgħid li l-maltemp fil-Mediterran mhux fil-livell ta’ uragan

Minħabba l-maltemp imbassar li jkompli jiqliel fis-sigħat li ġejjin fuq il-gzejjer Maltin, fl-aħħar ħinijiet saru bosta appelli għall-kawtela mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Ġew sospiżi l-vjaġġi tal-fast ferry bejn il-gżejjer u l-katamaran bejn Malta u Sqallija waqt li t-traġitti tal-Gozo Channel se jibqgħu kif skedati għalkemm jistgħu jiġu affettwati jekk jitqawwa r-riħ.

Iċ-Ċentru tal-Aħbarijiet tkellem ma’ ufficjal mill-Uffiċċju Metereoloġiku, Patrick Zahra, li qal li bħalissa t-temp fil-Mediterran mhux stabbli u qed iwassal għall-maltemp u riħ qawwi iżda mhux fil-livell ta’ uragan.

Arja ta’ pressjoni baxxa fuq il-gżejjer Maltin ħallietna bla nifs u b’xita iktar mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena.

Jekk il-kumplament tal-Ewropa hija bnazzi, ir-reġjun tal-Mediterran partikolarment fuq Malta is-sitwazzjoni hija differenti.

“Għaliex l-Ewropa kollha għandha temp ħafna iktar stabbli minn tagħna. Aħna għandna din l-instabiltà fuqna li qed iġġib dan il-maltemp”.

Zahra, bassar tat-temp fl-Ufficcju Metereologiku fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, qal li l-maltemp li għaddej bħalissa fuq il-gżejjer Maltin diġà affettwana ħafna”.

“Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-ammont ta’ xita li niżlet dax-xahar kienet pjuttost tajba għaliex s’issa diġà niżlet b’183 millimetru xita u qabeż l-ammont medju tas-sena li s-soltu jkun ta’ 76 millimetru”.

U l-Medicane x’inhu? Zahra qal li l-kelma ġejja minn uragan fil-Mediterran – kelma li tfasslet mit-Taljani dawn l-aħħar snin.

“Mediterranean hurricane li fil-fatt hurricanes mhumiex xi ħaġa tagħna. Issa jekk inti trid tgħid li għandna riħ qawwi bħalma qed nistennew riħ qawwi mill-Grigal … u dak fil-fatt qed nistennewh … u iva jagħmel ħafna ħsara … dak nistgħu ngħidu li nistennewh … imma ma nikkalkulawhx bħala Medicane. Medicane żgur li le, żgur”.

Intant, l-Ufficcju Metereologiku għal-lejl li ġej qed ibassar temp imsaħħab u bil-ħalbiet tax-xita bir-ragħad, bil-buffuri u b’riħ qawwi għal qawwi ħafna mill-Grigal.