Stejjer Umani
“Uffiċjal tas-sigurtà l-isptar bdiet tidħaq għax għedtilha li jien mara”

Nhar il-Ħamis li għadda, marret għal żjara outpatients fl-isptar Mater Dei u uffiċjal tas-sigurtà daħqet biha għax ħasbitha raġel. TVM tkellem ma’ Gabriella Cassar Meli li qalet li l-umiljazzjoni li ħasset kienet kbira, u appellat għar-rispett u dinjità għaliex b’kummenti bħal dawn bniedem dgħajjef imur il-baħar.

Garbiella Cassar Meli ta’ 31 sena qasmet ma’ TVM dak li għaddiet minnu din il-ġimgħa, meta bla qatt ma stenniet, ġiet irredikolata minn uffiċjal tas-sigurtà fl-isptar Mater Dei. “Kelli appuntament l-isptar għand Gynae, waqqfitni security ħabba l-Covid, u qaltli li l-irġiel ma jmorrux gyane, għedtilha jiena mara tista’ tgħidli fejn, u qaltli tini ċans ħa nidħaq, u bellħitni dil-mara”.

Minbarra t-tensjoni li kellha għax kienet l-isptar, Gabriella qalet li rrabjat b’dak li ġara. Hija riedet twassal messaġġ lil din l-uffiċjal tas-sigurtà. “Toqgħod attenta xi tgħid, persuna m’għandekx tindirizzaha femminil jew maskil, aħjar kelma nieqsa milli tweġġa’ lil dak li jkun”.

Gabriella li hija mara attiva fil-komunità LGBTIQ u riedet twassal kuraġġ lil min jgħaddi minn dawn l-esperjenzi ta’ wġiegħ. “Ma jaqtgħux qalbhom, hawn l-għajnuna, tkunu leali lejkom infushom, jekk komdi jaqtgħu xagħrhom komdi magħhom infushom”.

TVM talab ir-reazzjoni dwar dan il-każ mill-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei Celia Falzon li qalet li għaddejja investigazzjoni fuq din l-uffiċjal tas-sigurtà, filwaqt li saret apoloġija lis-sinjura Cassar Meli.

TVM tkellem ma’ koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement Cynthia Chircop.”Wera biċ-ċar li hemm bżonn edukazzjoni u training mhux biss fuq LGBTIQ imma fuq diversita’ biex min jiġi quddiemek titrattah b’dinjità.”

Is-sinjura Chircop qalet lil TVM biex dawk li jkunu jixtiequ xi forma ta’ appoġġ minħabba li qed isibuha diffiċli minħabba l-ġeneru sesswali tagħhom għandhom jagħmlu kuntatt mal-MGRM.