Qorti
Uffiċjal tas-sigurtà mixli b’attentat ta’ qtil wara li spara fuq immigrant waqt l-irvell f’Ħal Safi

B’rabta mal-irvell tal-bieraħ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi, wara nofsinhar il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Darren Bonello ta’ 30 sena li jgħix f’San Pawl il-Baħar u xlietu bl-attentat ta’ qtil ta’ wieħed mill-immigranti u li kkaġunalu ġrieħi ħfief.

L-akkużat qal jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà ma’ kumpanija privata. Waqt l-irvell huwa uża senter tal-għamla Bennelli li kellu fil-vettura privata tiegħu.

Huwa kien akkużat ukoll li żamm arma mingħajr liċenzja jew mhux skont il-kundizzjonijiet tal-liċenzja, kif ukoll li ħadem bħala gwardjan privat mingħajr ma kellu l-liċenzja biex jagħmel dan.

Huwa wieġeb li mhux ħati. Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia, argumentat li l-akkużat prova jżomm lill-immigrant milli jaħrab, u sparalu biex jiddefendi lilu nnifsu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Darren Bonello fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000, u imponiet għadd ta’ kundizzjonijiet.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Jinżammu arrestati 27 immigrant fuq l-irvell tal-bieraħ f’Ħal Safi