UFFIĊJALI: ara x-xeni ta’ wara l-kwinti ta’ ‘By the Sea’ f’Għawdex

Il-koppja Angelina Jolie u Brad Pitt flimkien mal-Universal Studio xandru filmat ta’ wara l-kwinti tal-film ‘By The Sea’ li nġibed kollu f’Għawdex bħal dan iż-żmien sena.  Il-Gżira Għawdxija tispikka sew fix-xeni tal-ewwel film li ħadmu flimkien Brad u Angelina wara Mr. and Mrs Smith għaxar snin ilu.

Imġarr ix-Xini f’Għawdex kif qatt ma rajnih u probabbilment se narawh hekk biss fil-film. Il-producers tal-film ‘By The Sea’ ta’ Angolina Jolie u Bradd Pitt xandru żewġ minuti filmat ta’ xeni wara l-kwinti waqt il-ġbid tal-film is-sena li għaddiet f’Għawdex. Il-film ambjentat f’post pittoresk daqsilikieku Franza fis-snin sebgħin se joħroġ għall-wiri fis-swali taċ-ċinema Amerikani fit-13 ta’ Novembru. Il-world premiere iżda se jsir fiċ-Chinese Theatre ta’ Hollywood fil-5 ta’ Novembru.

Ix-xena ġodda li xxandru minn Vogue, juru s-sett li nbena għal waqt it-tliet xhur filming fil-Gżira Għawdxija. Tispikka l-binja lukanda li nbniet apposta mal-irdum u fiha nġibed il-maġġoranza tal-film. Tidher ukoll il-bajja ta’ Mgarr ix-Xini, inkluż ir-restorant maqtugħ għalih waħdu li sar parti mis-sett.

F’intervista ma’ Vogue, Angelina Jolie bi tbissima tikkonferma li ‘By The Sea’ kien il-qamar il-għasel tagħha ma’ Brad wara li żżewġu fis-sajf tas-sena l-oħra.

Angelina Jolie u Brad Pitt rritornaw l-Istati Uniti sodisfatti ħafna bl-esperjenza fil-gżejjer Maltin, speċjament bil-faċilitajiet, il-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u l-fatt li spiċċaw il-film fil-ħin u bir-riżorsi li kienu ppjanaw minn qabel.

Il-film inġibed f’disa’ ġimgħat, ħaddem iktar minn 150 ħaddiem Malti u s-servizzi saru kollha mill-kumpanija lokali Pellikola.

Il-film mistenni joħroġ fis-swali lokali f’Diċembru.