Infrastruttura
Uħud mill-kuntratturi waqfu iżda oħrajn kellhom jitwaqqfu mit-twaqqigħ u l-iskavar

Fl-ewwel jum fis-seħħ tas-sospensjoni tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u skavar f’siti tal-kostruzzjoni, jidher li l-ordni ġiet osservata minn uħud mil-kuntratturi filwaqt li oħrajn kellhom jitwaqqfu mill-uffiċjali tal-infurzar li għamlu spezzjonijiet f’diversi lokalitajiet. TVM huwa infurmat li fl-aħħar sigħat saru arranġamenti bl-intervent tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupatturi bejn il-kuntrattur u l-familji milquta fl-aħħar inċident li seħħ il-Ħamis filgħodu fi G’Mangia. F’kummenti ma’ Television Malta il-Kummissarju għall-Ippjanar u l-Ambjent qal li biex isir l-infurzar fl-industrija tal-kostruzzjoni, hemm bżonn li jiżdiedu l-fondi lill-Awtoritajiet biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ din l-industrija li għandha valur ta’ madwar nofs biljun ewro.

Diversi kuntratturi jidher li waqfu minn rajhom ix-xogħol tal-iskavar u t-twaqqigħ wara li l-Gvern ordna sospensjoni temporanja ta’ dawn ix-xogħlijiet sakemm isiru regolamenti ġodda. Madankollu f’xi postijiet, ix-xogħol baqa’ għaddej u TVM huwa infurmat li uffiċjali tal-infurzar fosthom mill-Awtorità tal-Ippjanar u Uffiċjali tal-LESA intervjenew biex waqfu x-xogħlijiet minnufih.

TVM żar diversi siti tal-kostruzzjoni u osserva li f’xi postijiet ix-xogħol kien wieqaf għalkollox waqt f’oħrajn jidher li kien għaddej u waqaf malli raw il-krew tagħna. Is-sospensjoni tax-xogħlijiet li saret wara l-inċidenti li ġraw, intlaqgħet minn bosta inkluż il-partijiet konċernati. Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupatturi Michael Stivala, qal li l-membri tal-assoċjazzjoni kollha mxew ma’ din is-sospensjoni.

Michael Stivala qal “aħna smajna il-Gvern u l-pożizzjoni li ħa, tajna istruzzjonijiet lill-membri tagħna kollha biex iżommu ma’ din l-ordni. Mill-informazzjoni li għandna il-membri tagħna, kollha obdew din il-pożizzjoni, allavolja kellna wkoll xi rapporti fejn kien hemm xi kuntratturi li baqgħu għaddejin bix-xogħlijiet.”

Il-Kummissarju għall-Ippjanar u l-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba, qal lil TVM li biex isir infurzar effettiv tal-industrija, hemm bżonn li l-infurzar ikun sistimizzat u mhux jibqa’ sparpaljat.

Dwar il-konsenturi f’bini biswiet fejn kien qiegħed isir skavar, il-Kummissarju Saliba qal li kieku l-liġijet gew oservati nofs il-problemi kienu jiġu evitati, speċjalment jekk it-tqattigħ tal-blat iżomm distanza ta’ żewg piedi u nofs mill-ħajt diviżorju tal-ġirien.

Il-Perit Saliba qal “issa jekk il-perit jibda bi pjanta li lanqas biss juri żewġ piedi u nofs aħseb u ara kemm il-kuntrattur ħa jmur jqatta’ żewġ piedi u nofs. Issa ma ninsewx ukoll li żewġ piedi u nofs hija minimum, ma jfissirx li jekk il-perit jew il-proġett jirrikjedi ħames piedi blat m’għandux ikun hemm ħames piedi. Għalfejn mhux jiġi oservat? Għax kulħadd moħħu fil-flus, l-ewwel is-saħħa tan-nies, il-flus jiġu wara, dik il-problema.”

Żied jgħid li bħala Kummissarju ser jipproponi li jsiru spezzjonijiet mill-Awtoritajiet fil-binjiet li għandhom konsenturi kawża tal-iskavar qabel jitkompla l-iskavar.

Ara wkoll:

Il-PN jgħid li jaqbel li ġew sospiżi l-permessi ta’ twaqqigħ u skavar

Appell għall-għajnuna mill-mara li lbieraħ spiċċat bla saqaf

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Instab mejjet r-raġel Daniż li kien irrappurtat nieqes nhar il-5 ta’ Ġunju li għadda. TVM huwa infurmat li Allan Hartmann-Jensen ta’ 53 sena instab mejjet dalgħodu fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni…

Unjoni Ewropea

Kellu jkun summit li jiddetermina l-ġejjieni immedjat tal-Unjoni Ewropea… għaliex kellu jiddiskuti mhux biss aġenda strateġika b’numru ta’ prioritajiet, iżda possibilment kellu jwitti t-triq għal qbil dwar in-nomini ta’ dawk…

Unjoni Ewropea

Laqgħa Għolja li qed tiltaqa’ bħalissa fi Brussell tista’ tiddetermina l-ħames snin li ġejjin tal-Unjoni Ewropea. Bil-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, qed jiddiskutu mhux biss il-prioritajiet li fuqhom…

Aktar