Politika
“Uliedna għandhom igawdu minn sistema edukattiva mill-aqwa mil-livell primarju sal-livell terzjarju”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ mal-Kunsill Studenti Universitarji, KSU, fid-Dar Ċentrali. Matul din il-laqgħa, Dr Grech qal li wliedna għandhom igawdu mill-aqwa sistema edukattiva mil-livell primarju sal-livell terzjarju mill-aqwa,

Dr Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-pijunier fil-qasam edukattiv u meta kien fil-Gvern fetaħ il-bibien beraħ sabiex ikabbar il-possibbiltajiet għal kull min irid jitgħallem sabiex kulħadd ikun jista’ jilħaq il-milja personali.

Dr Grech staqsa lill-KSU x’inhuma l-affarijiet li qed jinkwetaw lill-istudenti, bil-President tal-KSU Matthew Xuereb iwieġeb li l-inċertezza qed toħloq ħafna ansjetà fost l-istudenti. Is-Sur Xuereb qal li l-KSU qed jaħdem biex ma jerġax iseħħ dak li kien seħħ f’Marzu li għadda meta l-lezzjonijiet marru online u kien hemm studenti li m’għandhomx fejn jistudjaw mid-dar.

Il-President tal-KSU qal li waqt iż-żmien tal-pandemija, bl-għajnuna tal-kappella tal-Universita’, inħoloq food bank għal dawk l-istudenti li għaddejjin minn problemi finanzjarji; filwaqt li qal qed issir ħidma biex jitwaqqaf fond ta’ solidarjeta’ li jqassam flus lill-istudenti fil-bżonn.