Umberto Calosso: minn skola tas-snajja’ għal villaġġ taż-żgħażagħ

L-iskola Umberto Calosso f’Santa Venera issa tinsab f’idejn Aġenzija Żgħażagħ biex isservi ta’ spazju alternattiv minflok skola tas-snajja’ kif jafuha ħafna. Dan il-villaġġ kkulurit, li minnu innifsu jirrifletti l-aspett enerġetiku li irid iħaddan fih il-post, joffri diversi servizzi. Fosthom hemm ċentru ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 35 sena.

Il-binja titgawda l-aktar minn 120 żagħżugħ u żagħżugħa li qed jingħataw taħriġ vokazzjonali taħt il-programm Youth.Inc. Dan il-programm hu maħsub għal dawk li jieqfu mill-iskola wara il-fażi obbligatorja u li m’għandhomx il-ħiliet bażiċi. Tnejn mill-istudenti esprimew l-fiduċja li dan ser jiftħilhom toroq oħra f’ħajjithom.

Xantè Schembri, li tieħu ħsieb Youth.Inc qalet li mhux iż-żgħażagħ li qed jattendu dan il-programm biss se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-proġett.

“Meta qed ngħidu spazju għaż-żgħażagħ għal għaqdiet volontarji, għal NGOs li jinvolvu żgħażagħ. Jekk ikollhom bżonn xi kmamar jew spazju għalihom jew għal xi membri minn tagħhom jistgħu jużaw il-post li għandna. S’issa kull ma kellna bħala servizz hu li l-aġenzija setgħet tikri taħgmir iżda issa nistgħu noffru aktar b’dan l-ispazju,” qalet Xantè Schembri.

Hemm mal-200 għaqda taż-żgħażagħ irreġistrati ma’ Aġenzija Żgħażagħ. Dan il-proġett sar bi kważi €1.5 miljun u mistenni jiġi inawgurat is-Sibt. Hu ippjanat li jsiru aktar żviluppi f’dan iċ-ċentru, fosthom youth hostel biex ikunu jistgħu jiġu organizzati live ins għaż-żgħażagħ.