Edukazzjoni
Union tal-għalliema tilmenta minn problemi fl-ewwel ġimgħa skolastika

Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti qalet li l-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika kienet mifnija b’għadd ta’ problemi, minn skejjel li qishom siti ta’ kostruzzjoni sa servizz mhux adegwat ta’ trasport għall-istudenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-uffiċjali tal-union Graham Sansone u Rita Catania qalu li minħabba żieda ta’ suġġetti ġodda, hemm klassijiet li mhumiex lesti, tant li la għandhom siġġijiet u lanqas bankijiet. Qalu li l-għalliema u l-istudenti qishom nomadi għax qegħdin iġorru l-bankijiet u siġġijiet minn klassi għall-oħra.

L-uffiċjali tal-UPE qalu wkoll li f’ċerti skejjel l-istudenti qegħdin jitgħallmu waqt li għaddej x-xogħol ta’ kostruzzjoni. Fost l-iskejjel li semmew hemm il-kulleġġi ta’ San Tumas Moore, Santa Tereża u dak ta’ Għawdex.

Dwar it-trasport, il-UPE qalet li ilha titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-policy dwar is-superviżjoni tat-trasport organizzat. L-uffiċjali qalu li jridu kopja tal-policy biex ikunu jafu kemm għandu jkun hemm edukaturi mal-istudenti.

Sadanittant, fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni rrefera għal rapporti fil-midja dwar klassijiet fl-iskola primarja ta’ Santa Venera li għadhom taħt kostruzzjoni, u ċċara li dawn għadhom ma bdewx jintużaw, u se jkunu lesti sakemm jidħlu l-istudenti ta’ Kinder 1 il-ġimgħa d-dieħla.