Lokali
Użat 10 kumpaniji Maltin biex tisraq miljuni ta’ dollari minn fondi pubbliċi fl-Angola

Mill-inqas 10 kumpaniji Maltin intużaw minn Isabel dos Santos, l-iktar mara sinjura fl-Afrika, biex serqet mijiet ta’ miljuni ta’ dollari minn fondi pubbliċi.

Minn investigazzjoni li saret mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, l-ICIJ, jirriżulta li dos Santos u r-raġel tagħha għandhom ishma f’iktar minn 400 kumpanija u s-sussidjarji tagħhom f’41 pajjiż fosthom Malta, l-Olanda u British Virgin Islands. Jirriżulta li dos Santos ferrxet il-flus li serqet mill-entitajiet pubbliċi fl-Angola f’dawn il-ġurisdizzjonijiet meqjusa sigrieti.

L-ICIJ spjega li mil-leak ta’ iktar minn 715,000 dokument jirriżulta li hemm nuqqasijiet kbar fis-sistemi regolatorji madwar id-dinja li fost oħrajn ppermettew lill-kumpaniji biex joffru s-servizzi lill-iktar nies b’saħħithom fid-dinja mingħajr għarbiel ta’ xejn.

Isabel dos Santos hi bint l-ex ditattur tal-Angola, li huwa pajjiż mimli riżorsi naturali. Dos Santos sejħet dawn l-allegazzjonijiet bħala foloz li huma mmottivati mill-Gvern tal-Angola. Dos Santos qed tiġi investigata mill-awtoritajiet fl-Angola fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u l-assi f’pajjiżha ġew iffriżati.