Lokali
Valletta 2018 tiġi fi tmiemha b’ċelebrazzjoni kbira

Tintemm uffiċjalment illejla s-sena li matulha l-belt kienet il-kapitali Ewropea tal-kultura bl-attività “L-Aħħar Festa” li tibqa’ sejra sa tard ħafna illejla. Valletta 2018 iżda se tibqa’ għaddejja permezz ta’ numru ta’ inizjattivi.

Qed jintlaħaq f’dawn il-ħinijiet il-qofol tal-Aħħar Festa. Fil-Belt hawn arja ta’ festa b’attivitajiet f’postijiet differenti. L-attrazzjoni ewelnija hi Pjazza San Ġorġ fejn għaddej programm spettakolari ta’ mużika, arti u għadd ta’ sorpriżi.

F’dawn il-ħinijiet tibda l-parti uffiċjali tal-programm illejla bid-diskorsi taċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, is-Segretarju Parlamentari għal Valletta 2018 Deo Debattista u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici. Huma se jagħtu ħarsa lejn il-kisbiet u inizjattivi li seħħew matul din is-sena, it-triq ‘ il quddiem u l-legat maħluq minn Valletta 2018, li se jitkompla fis-snin li ġejjin bit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta. Din l-Aġenzija mistennija tħares ukoll l-impenn biex ir-riġenerazzjoni kulturali tal-Belt tibqa’ għaddejja, bil-għan li jissaħħaħ l-impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-kapitali.

Minn hawn u ftit tal-minuti t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura se jgħaddi mill-Belt Valletta u Leeuwarden fl-Olanda għall-bliet ta’ Matera fl-Italja u Plovdiv fil-Bulgarija.

L-attivitajiet fil-belt mistennija jibqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl – hekk kif mistennija jaqbżu nofsillejl – u għalhekk dawk li għadhom jaħsbuha għadhom fil-ħin biex huma wkoll ikunu parti mill-Aħħar Festa. Fi Pjazza San Ġorġ mistennija artisti bħal Tribali bil-ħoss uniku tagħhom u Ozzy Lino li se jingħaqad mal-band Brass House Unit.

Fl-aħħar tnax-il xahar seħħew uħud mill-akbar avvenimenti tal-massa f’Malta, li bdew bill-ftuħ uffiċjali fl-20 ta’ Jannar li għadda, li hu stmat li attira l-akbar folla ta’ nies li qatt attendiet għal avveniment fil-miftuħ. Attivitajiet oħrajn nistgħu nsemmu l-Festa l-Kbira, li għaliha nħarġu min-niċċa l-erba’ statwi tal-erba’ festi ewlenin tal-Belt u l-Valletta Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir.

Saru wkoll bosta proġetti infrastrutturali. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-għeluq tal-Valletta 2018, għall-ewwel darba l-pubbliku kellu l-opportunità li jżur il-Mużew Nazzjonali tal-Arti – il-MUŻA, li sar b’investiment ta’ 10 miljun ewro. Ammont kbir ta’ nies żaru dan il-mużew li għal-lum biss kien miftuħ għall-pubbliku bla ħlas.

Il-kollezzjoni tal-MUŻA tammonta għal aktar minn għoxrin elf opra t’arti, u l-kontenut tal-istorja tiegħu jista’ jiġi klassifikat f’4 partijiet li huma l-Mediterran, l-Ewropa, l-Imperu u l-Artisti.

Proġett infrastrutturali ewlieni ieħor ta’ Valletta 2018 u li jagħmel parti mil-legat hu l-Valletta Design Cluster, fejn ix-xogħol għadu għaddej. Glen Falzon dalgħodu żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fil-Biċċerija l-Qadima u b’dan is-servizz li se jagħtina togħma ta’ x’jinkludi l-proġett, jien intemm dan il-kollegament hawn. L-Aħħar Festa qed tkun mxandra dirett fuq tvm.com.mt.

Aħbarijiet Oħra
Kurżitajiet

Il-maħżen tal-Knisja tal-Imġarr ilbieraħ laqa’ attività mhux tas-soltu. Seba’ rġiel poġġew ma’ mejda bil-għan li jiksru rekord nazzjonali biċ-‘chicken nuggets.’ Din l-isfida saret waqt il-maratona tas-soċjetà filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema,…

Kultura

Fis-sentejn li għamlu Malta, il-Franċiżi ħallew timbru li għadu magħna sal-lum. Ħames xhur wara li Malta saret membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija, komplew l-attivitajiet biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tal-Frankofonija, f’pajjiżi li…

Kronaka

Rumen ta’ 30 sena darab ġrieħi gravi wara li l-forklifter li kien riekeb fuqu nqaleb. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-23:15 ġewwa t-Tarzna fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid. Il-forklifter kien misjuq…

Aktar