Barranin
Vanuatu tieħu azzjoni wara li nstab katavru bil-Covid-19 fuq bajja

F’Vanuatu twaqqaf l-ivvjaġġar għal 3 ijiem wara s-sejba ta’ katavru li ħareġ li kien pożittiv għall-Covid. L-awtoritajiet li sabu l-katavru fuq bajja ħadu din id-deċiżjoni sakemm isir il-contact tracing neċessarju.

Fil-11 t’April, katavru ta’ sajjied Filppin instab fuq bajja ftit ‘il bogħod minn Port Vila fuq il-gżira Efate.

Dik inhar tas-sejba makabra, tanker li jtajjar bandiera tar-Renju Unit irrapporta li membru tal-ekwipaġġ ma kienx abbord tal-bastiment li kien fil-viċinanzi tal-Port Vila.

L-awtoritajiet tal-Port ta’ Vanuatu talbu lit-tanker jirritorna fl-port filwaqt li ssejħet operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ.

It-tanker spiċċa miżmum mill-awtoritajiet malli nstab il-katavru tal-membru tal-ekwipaġġ, bil-katavru ttieħed fil-kamra mortwarja u mill-awtopsja ħareġ li kien pożittiv għall-Covid.

Għad mhux magħruf jekk ir-raġel mietx bil-Covid-19 jew kif spiċċa fuq il-bajja tal-gżira.
Bħall-ħafna mill-gżejjer maqtugħin tal-Paċifiku, f’Vanuatu ftit li xejn ġew irreġistrati każijiet tal-Covid. Skont l-Università John Hopkins minn popolazzjoni ta’ 300,000, il-pajjiż sab 3 każijiet biss ta’ Covid-19.
16-il uffiċjal tal-pulizija jinsabu fi kwarantina wara s-sejba tal-katavru filwaqt li l-awtoritajiet qed iħeġġu lill-poplu jagħmel swab tests.