Immigrazzjoni
AĠĠORNAT (6): It-tieni grupp ta’ immigranti jasal Malta – se jitqassmu bejn pajjiżi Ewropej

65 immigrant abbord il-vapur Alan Kurdi tal-għaqda mhux governattiva Ġermaniża “Sea Eye” ġew trasferiti abbord patrol boat tal-Forzi Armati u ddaħħlu Malta għall-ħabta tad-9.00 tal-lejla.

Il-gvern qal fi stqarrija li dan se jseħħ wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż, fejn l-immigranti se jitqassmu immedjatament bejn pajjiżi Ewropej.

Sadanittant, kmieni wara nofsinhar iddaħħal grupp ieħor ta’58  immigrant li ġew salvati minn ibħra Maltin. Minn tal-anqas nofshom ukoll għandhom jittieħdu minn pajjiżi oħra.

Is-saga tal-immigranti abbord l-Alan Kurdi

Mistennija tintemm tard illejla parti oħra mis-saga ta’ 65 immigrant li l-Ġimgħa ttellgħu minn fuq dinghy lil hinn mill-kosta Libjana fuq il-vapur Alan Kurdy tal-għaqda mhux governattiva Ġermaniża Sea Eye. Sal-bieraħ filgħaxija l-vapur kien fl-ibħra internazzjonali ‘l barra minn Lampedusa. L-Alan Kurdi ried jiżbarka l-immigranti f’Lampedusa iżda ma ngħatax permess mill-awtoritajiet Taljani li qegħdin jiehdu passi kontra l-vapuri ta’ salvataġġ li qed joperaw minn għaqdiet mhux governattivi.

Mal-lejl il-vapur biddel ir-rotta lejn Malta u talab li jdaħħal l-immigranti hawnhekk.

Il-vapur qatt ma daħal fl-ibħra territorjali Maltin. TVM jinsab infurmat li l-immigranti abbord, ftit tal-ħin ilu ġew trasferiti fuq patrol boat tal-Forzi Armati li mistennija ddaħħalhom hawnhekk wara d-disgħa u nofs tal-lejla.

Il-Gvern qal fi stqarrija li dan se jseħħ wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ġermaniż.

Ġie spjegat li l-persuni kolla salvati mill-Alan Kurdi ftit ‘il barra mill-kosta Libjana, wara li jiddaħħlu Malta se jiġu rilokati minnufih fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-gvern qal li ħadd minn dawn l-immigranti mhu se jibqa’ Malta billi dan il-każ mhux fir-responsabiltà tal-awtoritajiet Maltin.

Tliet persuni abbord il-vapur jeħtieġu attenzjoni medika urġenti ġew evakwati. Fuq twitter, l-organizzazjoni Sea Eye qalet li dawn it-tliet persuni kellhom bżonn attenzjoni medika wara li ħasshom ħażin bis-sħana.

It-tieni grupp salvat f’ibħra territorjali Maltin

Aktar kmieni nġiebu Malta 58 immigrant ieħor li ġew salvati f’operazzjoni separata mill-Forzi Armati, il-Ħadd filgħodu.

Il-Gvern Malti qal li b’għarfien għar-rieda tajba li wera fil-kaz tal-Alan Kurdi, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea se jieħdu wkoll mill-anqas nofs dawn it-58 immigrant. Dan il-grupp ta’ immigranti talbu l-assistenza meta kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabilità ta’ Malta. Jidher li d-dgħajsa li kienu fiha bdiet tagħmel l-ilma.

L-immigranti – kollha rġiel – iddaħħlu Malta abbord il-patrol boat P21 li waslet fil-bażi marittima tal-armata f’Xatt it-Tiben għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Minn hemmhekk huma ngħataw f’idejn il-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Maltin u Taljani jitolbu li l-kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda Ewropea

Fi stqarrija konġunta llejla, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan Enzo Moavero u dak Malti Carmelo Abela, qalu li hemm rieda li jikkoperaw flimkien fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Żiedu iżda li hemm bżonn governanza effettiva għall-influss ta’ migranti lejn l-Ewropa, u l-każijiet ma jistgħux jibqgħu jiġu trattati wieħed wieħed, bid-diffikultajiet kollha li dan iġib miegħu.

Il-Ministri għalhekk talbu li, bil-għan li jkun hemm politika komuni għall-immigrazzjoni, il-kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda biex tkun diskussa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal-Affarijiet Barranin li jmiss.