Lokali
Varat fond għall-iżvilupp sostenibbli li se jgawdu minnu l-għaqdiet mhux governattivi

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera nieda fond ġdid ta’ €30,000 għal proġetti ta’ żvilupp sostenibbli. Dan il-fond kull sena ser jibda jgħin għaqdiet mhux governattivi biex iwettqu proġetti marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

Għaqdiet mhux governattivi se jkunu jistgħu japplikaw għall-fondi maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent biex jiffinanzjaw proġetti ta’ żvilupp sostenibbli. Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li għal dawn il-fondi se jiġu magħżula l-aħjar tliet proġetti li jilħqu l-iktar il-kriterji ta’ żvilupp sostenibbli. L-aħjar tlett proġetti se jingħataw €10,000 kull wieħed u jridu jitwettqu s-sena d-dieħla.

Il-Ministru Herrera qal li dan il-Gvern qed jaħdem għal żvilupp sostenibbli kif trid in-Nazzjonijiet Magħquda u se jara li dan iseħħ ukoll mill-Awtorità tal-Ippjanar, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha dwar l-iżvilupp li jsir fil-pajjiż.

Dr Jose Herrera qal li “meta tkun watchdog fuq l-Awtorità tal-Ippjanar tara l-aspett ambjentali u dak ta’ sostenibbiltà, u iva l-Ministeru tiegħi għandu għajnejh fuq il-planning”.

Il-Ministru spjega li l-proġetti magħżula mhux bilfors ser ikunu fuq oqsma tal-ambjent għax jistgħu jkunu wkoll fil-qasam tal-ugwaljanza, il-kwalità tal-ħajja u t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar. L-applikazzjonijiet ta’ dan il-fond jagħlqu fis-7 ta’ Diċembru.