Lokali
Varat il-Premju Ħaddiem tas-Sena San Vinċenz de Paule 2019

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis vara l-Premju Ħaddiem tas-Sena San Vinċenz de Paule 2019. Anthony Agius Decelis qal li dan il-premju jsir bil-għan biex l-1,800 ħaddiem li jaħdmu f’San Vincenz de Paule ikollhom iċ-ċans li jiġu rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom, b’imħabba, b’rispett u b’dedikazzjoni għar-residenti anzjani.

Anthony Agius Decelis qal li l-premju hu miftuħ għal kull min jaħdem f’San Vinċenz de Paule sew jekk hux ħaddiema tal-gvern, dawk tal-kuntrattur, u l-professjonisti kollha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule Dr Josianne Cutajar spjegat li din is-sena l-premjijiet se jitqassmu b’Ħaddiem tas-Sena mis-settur tal-kura u kliniku, Ħaddiem tas-Sena mis-settur tas-servizzi tas-sapport, il-ħaddiem overall tas-sena, it-tim tas-sena, ħaddiem onorarju li jingħata lil ħaddiema li kienu jaħdmu f’San Vinċenz de Paule, u għall-ewwel darba, din is-sena is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva se jkun qed jagħti rikonoxximent ieħor li huwa l-premju annwali fil-qasam tal-kura f’San Vinċenz de Paule. Għal dan il-premju tas-segretarjat parlamentari, in-nomini jistgħu jsiru mir-residenti ta’ San Vinċenz de Paule, mill-qraba tagħhom u mill-viżitaturi.

In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Novembru. Se jkun hemm kaxxa li tilqa’ n-nominazzjonijiet fis-swali ta’ San Vinċenz, jew tinkiseb formula ta’ applikazzjoni mill-customer care ta’ San Vinċenz, jew tinkiseb il-formula tal-applikazzjoni fuq is-sit tad-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità www.activeageing.gov.mt. Is-serata tal-Premju Ħaddiem tas-Sena se ssir fit-12 ta’ Diċembru 2019.