Kultura
Varat il-programm ta’ Spazju Kreattiv għall-2018-2019

Spazju Kreattiv nieda l-programm kulturali tiegħu għall-2018 u l-2019 b’għażla vasta u varjata ta’ attivitajiet li se jkomplu jesponu l-kreattività f’kull forma tagħha.

Teatru, drama, esebizzjonjiet tal-arti, żfin, festivals u wirjiet ċinematiċi huma wħud mill-ingredjenti li se jħawru l-menu artistiku ta’ Spazju Kreattiv għall-istaġun 2018/2019.

Margerita Pulè minn Spazju Kreattiv qalet li l-programm ikompli jibni madwar viżjoni strateġika biex Spazju Kreattiv iservi bħala l-katalist nazzjonali għall-kreattività u jixpruna l-proċess artistiku.

Deskritt bħala versatili, eċitanti u divers, il-programm jinkludi 21 esebizzjoni artistika, għoxrin rappreżentazzjoni teatrali u erba’ mitt wirja ċinematika. Anki t-tfal se jkollhom attivitajiet għalihom, fosthom il-festival Żigużajg u oħrajn li huma mmirati għaż-żgħażagħ.

Il-Manager Spazju Kreattiv, Margerita Pule qalet ”fost l-attivitajiet kultrali li wieħed jista’ jara fi Spazju Kreattiv hemm Nisġa li hija wirja kollettiva ta’ għoxrin artist li qed jesebixxu ix-xogħlijiet tagħhom fi storja kontemporanja tal-arti li tiċċelebra l-legat ta’ artisti moderni u kontemporanji Maltin.”

Aktar tard f’Ottubru se jkun hemm jum ewropew iddedikat għaċ-ċinema tal-arti f’ġurnata ddedikata esklussivament lill-films flimkien ma firxa wiesgħa ta’ films barranin bejn Settembru u Novembru. Dawk li jħobbu t-teatru se jkunu jistgħu jsegwu produzzjonijiet li jixxandru mit-teatru nazzjonali ta’ Londra u mir-Royal Shakespeare Company filwaqt li l-ammiraturi tal-opra u l-ballet jistgħu jsegwu l-opra mill-Metropolitan Opera u l-kumpanija Bolshoi.

Il-programm vast jinkludi wkoll żewġ koproduzzjonijiet teatrali, taħditiet u kunċerti mużikali b’aktar minn mitejn kollaboratur involuti fl-organizzazzjoni tal-proġetti artistiċi.