Varat studju dwar sewqan taħt l-influwenza tad-droga

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà varat studju dwar sewqan taħt l-influwenza tad-droga. Fit-tnedija ta’ din l-inizjattiva, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li sal-lum għadu ma sar ebda studju f’Malta li juru kif id-droga jaffettwaw l-attività oħra inkluż is-sewqan.

Iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Vizzji fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President diġà għandu f’idejh esperjenzi ta’ pajjiżi oħra f’dan il-qasam. Dr Anne Vella li tmexxi dan iċ-ċentru qalet li diġà huwa magħruf li s-sewqan taħt l-effetti tax-xorb jaħti għal numru konsiderevoli ta’ inċidenti fit-toroq. Żieded tgħid li huwa meħtieġ studju dwar l-effett tad-drogi fis-sewqan biex ikunu jistgħu jitfasslu liġijiet u jsiru inizjattivi kontra dan il-periklu.

Dr Vella saħqet li l-istudju jrid jiddentifika s-sustanzi li l-aktar jiġu abbużati mis-sewwieqa. Qalet li huwa importanti li jiġu studjati l-effetti tad-drogi varji biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti regoli ta’ kontroll.

Hija ħeġġet biex tinżamm sew l-istatistika dwar inċidenti bħal dawn biex ikunu jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet anki leġiżlattiv u ta’ infurzar kif sar dwar is-sewqan taħt l-effetti tax-xorb. Diversi kelliema esprimew l-ideat tagħhom ta’ kif wieħed jiskoraġġixi lil min jabbuża mid-droga biex ma jsuqx, fosthom l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan.