MEUSAC
Veru li fl-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet jittieħdu biss fi Brussell?

Illum il-ġurnata, jekk tivvjaġġa f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea tista’ tuża l-mobile daqslikieku qiegħed id-dar, bla ma tħallas żejjed.

Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea bdiet tapplika ftit inqas minn sentejn ilu u issa drajnieha. Komda tassew!  Imma forsi ftit nirrealizzaw li din id-deċiżjoni storika ttieħded wara ħafna snin ta’ diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet bil-proposta li jinqatgħu t-tariffi żejda sa mill-2006. Sal-2015, saru mijiet ta’ laqgħat bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, fl-istituzzjonijiet u fl-Istati Membri, inkluż laqgħat mal-operaturi tas-servizzi tat-telefonija, biex jiġu approvati erba’ liġijiet. Kien matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE (15 ta’ Ġunju 2017) meta ntemm l-użu tat-tariffi tar-roaming.

Id-deċiżjonijiet jittieħdu biss fi Brussell?

Wara din il-ħidma kollha li involviet mijiet ta’ persuni u l-Istati Membri stess, jagħmel sens li nibqgħu ngħidu li d-deċiżjonijiet joħduhom “ta’ Brussell”?

Mhux l-ewwel darba tisma’ min jitkellem bħallikieku Brussell jieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw miljuni ta’ ċittadini Ewropej mingħajr ma jkun hemm konsultazzjoni ma’ min ser jintlaqat minn dawn id-deċiżjonijiet. L-istorja hi kemxejn differenti.

Anki aħna, bħala ċittadini Maltin, nistgħu nieħdu sehem f’dan il-proċess. It-twaqqif tal-MEUSAC kellu propju dan l-iskop biex għaqdiet u individwi jiddiskutu proposti li jkunu qegħdin jinħmew fuq livell Ewropew u jressqu l-ideat tagħhom lill-uffiċjali tal-Gvern.

Dawn tal-aħħar jikkunsidraw dawn l-ideat waqt li jkunu jfasslu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq kull proposta ta’ liġi li tkun ressqet il-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

Eżempju ieħor ta’ laqgħat ta’ dan it-tip kienet id-diskussjoni dwar il-proposta dwar it-tibdil tal-ħinijiet tas-sajf. Fil-fatt is-sena l-oħra, iċ-ċittadini f’pajjiżna ngħataw l-opportunità li jiddiskutu l-implikazzjonijiet li tista’ ġġib id-deċiżjoni li ma nibqgħux immexxu l-arloġġ darbtejn fis-sena.

L-Unjoni Ewropea ħafna drabi tinħass ikkumplikata u ’l bogħod miċ-ċittadini minħabba l-fatt li tinkorpora 28 Stat Membru  bil-liġijiet u s-sistemi tagħhom.

Ħafna huma n-nies li jħossu li ma jistgħux iwasslu l-ideat tagħhom dwar dak li jkun qiegħed jiġi diskuss fl-Unjoni Ewropea. Madankollu għandna l-mezzi, fosthom permezz tal-MEUSAC, fejn iċ-ċittadini Maltin jistgħu kemm jinfurmaw ruħhom u kif ukoll jipparteċipaw b’mod infurmat f’diskussjonijiet fuq livell Ewropew.

Għal aktar informazzjoni dwar il-laqgħat tal-MEUSAC, tista’ żżur www.meusac.gov.mt jew issegwi l-paġna tal-MEUSAC fuq il-Facebook.

 

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

Il-Ministru Michael Falzon iddikjara li minn dak li deher s’issa, kollox qed jindika li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza assoluta. F’kumment li ta lil TVM, il-Ministru Falzon, li għandu esperjenza twila…

Lokali

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li jekk iċ-ċifri ta’ kemm ħarġu jivvotaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huma korretti, jidher li f’ċertu distretti li huma predominanti Nazzjonalisti ma ħarġux jivvotaw…

Elezzjoni

Il-proċess tal-għadd tal-voti llum qed jara tibdil ġmielu, hekk kif għall-ewwel darba l-voti se jingħaddu bi scanners apposta. Il-kaxxi bil-voti li mal-lejl twasslu fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar ittieħdu ħdejn l-imwejjed…

Elezzjoni

Id-deputat Hermann Schiavone qed ibassar dik li ddeskriva bħala rebħa kbira għall-Partit Laburista. Hermann Schiavone ssospenda lilu nnifsu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista f’April li għadda wara kontroversja. F’kollegament telefoniku waqt xandira…

Aktar