Veru li f’pajjiżna mhux illegali li tisraq l-identità ta’ ħaddieħor online?

Is-serq tal-identità fuq il-midja soċjali sar fenomenu komuni f’dawn l-aħħar żminijiet.  Hekk kif il-ħajja tal-bniedem saret iddur mal-internet u ma’ dawn is-siti soċjali, l-liġijiet u l-infrastruttura legali qeda tiġi emendata biex tindirizza din ir-realtà ġdida?

Tkellimna mal-kantanta lokali Claudia Faniello, li fl-aħħar jiem sfat vittma ta’ serq tal-identità fuq Facebook. Faniello spjegat li ġie kreat profil falz, bir-ritratti u l-identità tagħha. Din il-persuna bdiet  tibgħat messaġġi lil diversi persuni fejn qalet li Claudia kienet qed trebbaħ 10,000 ewro f’lotterija. Żiedet tgħid li rċeviet diversi telefonati u messaġġi anke fuq in-numru personali tagħha bi screenshots ta’ dawn il-messaġġi li kienu qegħdin jiġi ċċirkulati minn dan il-profil falz. Qaltilna li għal kuntrarju ta’ scams oħra, din id-darba l-Malti miktub kienet wieħed tajjeb għalhekk kien iktar faċli biex dak li jkun jemmen li dan il-profil falz kien wieħed reali. Fil-fatt Faniello spjegat li kien hemm persuni li emmnu l-messaġġi u għalhekk taw id-dettalji tagħhom biex jipparteċipaw f’din il-lotterija.

L-Ispettur Anne Marie Micallef spjegat li meta jiġru dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-vittmi għandhom jirrapportaw minnufih fl-eqreb għassa tal-pulizija. Saħqet li fil-mument is-serq tal-identità għadha mhijiex inkluża bħala reat fil-liġi ta’ Malta, biss meta jinqabdu l-persuni li jkunu serqu l-identità xorta jitressqu l-Qorti fuq akkużi oħrajn bħall-użu ħażin tat-teknoloġija u dikjarazzjonijiet foloz.