Televiżjoni u Radju
Veru li l-Maltin ta’ Tripli kienu qed jispijaw għall-Ingliżi kontra t-Taljani?

Lejn tmiem is-snin 30 l-awtoritajiet Taljani fil-Libja kienu konvinti li l-Maltin ta’ Tripli kienu qed jibagħtu żgħażagħ mill-komunità tagħhom lejn Malta biex jidħlu fl-armata Ingliza.

Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Taljani fi Tripli kienu jibżgħu li s-sajjieda Maltin u membri oħra tal-komunità Maltija fi Tripli kienu qed jaħdmu bħala spiji u jgħaddu informazzjoni dwarhom lill-Ingliżi.

Dawn l-akkużi li saru fil-konfront tal-Maltin ta’ Tripli se jiġu analizzati u diskussi fid-dokumentarju storiku ‘Maltin Internati fl-Italja – Storja Vera’ – bl-ewwel episodju se jixxandar fuq TVM nhar it-Tlieta li ġej (25 ta’ Settembru) fid-9.30pm.

Tripli u l-biċċa l-kbira tal-Libja kienet intrebħet mir-Renju tal-Italja fl-1911. Il-komunità Maltija ta’ Tripli kienet magħmula minn 2,000 ruħ u kienet ilha stabbilita sa min-nofs is-seklu 19. Il-membri kollha tal-komunità kellhom passaport Britanniku.

Silta minn dokument li turi li l-Maltin internati fl-Italja kienu jgħoddu 2,000

Il-Maltin bħaż-żiemel ta’ Trojja

Referenzi f’dokumenti f’arkivji Taljani juru li t-Taljani kienu qed jibżgħu li Maltin ta’ Tripli jservu bħaż-żiemel ta’ Trojja. Id-dokumentarju ta’ TVM se juri kif it-Taljani kienu qed jibżgħu li l-Maltin kienu qed jgħaddu ħafna informazzjoni dwar iċ-ċaqlieq tar-Regio Esercito Italiano fil-Libja lill-Ingliżi.

Ir-riċerkatriċi Taljana Marilinda Figliozzi, li ilha għal snin sħaħ tistudja l-istorja tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Le Fraschette qrib Alatri fiċ-ċentru tal-Italja, tgħid li “l-Maltin ma setgħux jitħallew jgħixu fi Tripli.

Huma kellhom passaport Ingliż u t-Taljani kienu beżgħana li dawn setgħu joffrulhom xi forma ta’ reżistenza armata. Għaldaqstant l-awtoritajiet Taljani ġabruhom kollha u internawhom fl-Italja. B’hekk ukoll qatgħulhom kull forma ta’ kuntatt u komunikazzjoni li seta’ kellhom mal-‘għadu’ ”.

Fl-intervisti li taw lil TVM, l-internati jsostnu li ħadd minnhom jew mill-komunità tagħhom ma kien kapaċi jispijaw fuq it-Taljani.

Kampijiet ta’ konċentrament… anki fl-Italja

Il-Maltin ta’ Tripli kollha spiċċaw internati fl-Italja bil-maġġoranza assoluta jintbagħtu f’kampijet ta’ konċentrament.

Storiċi u riċerkaturi Taljani fl-aħħar snin urew kif fl-Italja fit-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm mal-64 kamp ta’ konċentrament.

Il-ħajja f’dawn il-postijiet kienet mill-aktar diffiċli, għalkemm fihom ma seħħewx l-istess ħruxijiet li seħħew fil-kampijiet tal-mewt bħal Auschwitz u Dachau fost l-oħrajn.

Dehra ġenerali tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Fossoli

Il-ħajja fil-kampijiet ta’ konċentrament

Intervistati għad-dokumentarju ta’ TVM, l-ex internati Maltin fil-kampijiet ta’ konċentrament fl-Italja jirrakkuntaw il-ħajja diffiċli fil-kamp ta’ konċentrament bi ftit ikel u b’ħafna ħin li matulu ma kellhom xejn x’jagħmlu.

Dawk il-Maltin li kienu jipprotestaw kienu jiġu arrestati u jintbagħtu ‘l bogħod mill-bqija tal-internati u mill-familja tagħhom. Rita Meilak tirrakkonta li damet sentejn ma tara lil missierha għax kien ipprotesta minħabba l-ikel li ngħataw uliedu. Uħud mill-Maltin ħallsu wkoll b’ħajjithom.

Fl-istess ħin kien hemm Maltin li kienu jippruvaw jixtru l-ikel bil-kuntrabandu. Jane Zammit tirrakkonta kif in-nannu tagħha, Pawlu Cassar, kien jaħbi flus u deheb fil-kowt li kellu u li kien iġorr fuqu sajf u xitwa biex jassigura li ma jitlifx ġidu.

Dak il-ġid kien jużah biex jixtri frott u ħxejjex sabiex ikun jista’ jgħajjex lil uliedu u lin-neputijiet tiegħu. Jane tirrakkonta kif kif “aħna konna ddiskriminati sempliċiment għax konna Maltin, għax kellna ċittadinanza Britannika li konna kburin biha, għax ma konniex Taljani.”

Fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Fossoli l-internati Maltin kienu miġburin mal-Lhud

Fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Fossoli mal-Lhud

Fl-aħħar fażi tal-gwerra, mijiet ta’ inernati Maltin ittieħdu fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Fossoli fit-tramuntana tal-Italja. Għal-Lhud dan kien meqjus bħala l-aħħar tarġa qabel jiġu ddeportati lejn Auschwitz.

L-ex internat Romeo Cini jiftakar kif f’Fossoli l-Lhud kienu jiġu ttrattati b’mod differenti. Fil-5am, il-Ġermaniżi kienu jqajmu lil kulħadd minn fuq l-alto-parlante: “Achtung, Achtung”.

Cini jgħid “aħna konna nqumu mill-ewwel, imma wara ftit kienu jgħidulna li dik is-sejħa kienet biss għal-Lhud. Konna narawhom jinġabru u jitgħabbew fuq trakkijiet qishom bhejjem. Kienu jeħduhom lejn l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Carpi.”

Lista bl-ismijiet ta’ wħud mill-Maltin Tripolini internati fl-Italja f’Jannar tal-1942 li tinsab fl-Archivio Centrale di Stato ta’ Ruma

L-istorja tal-internati Maltin fl-Italja qed tiġi mxandra għall-ewwel darba f’dokumentarju maqsum fi tliet episodji bl-ewwel wieħed se jixxandar nhar it-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018 fid-9.30pm.

Id-dokumentarju jipprovdi għarfien ġdid dwar il-ħajja fil-kampijiet ta’ konċentrament b’ritratti esklussivi meħuda fuq ġewwa minkejja dak li l-Maltin kienu għaddejjin minnu.

Iż-żewġ episodji l-oħra se jixxandru nhar l-Erbgħa 26 u nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru rispettivament.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

Il-Kumitat Parlamentari tal-verifika ddiskuta t-trasferiment ta’ art fiż-żona ta’ San Ġorġ u Pembroke lill-kumpanija Corinthia biex jittrasformaw lukanda preżenti u jibnu oħra ġdida bħala lukanda ta’ sitt stilel u li…

Lokali

L-Ambaxxatur ta’ Malta fi Franza, Helga Mizzi, kitbet fuq Facebook li l-Maltin li hu magħruf li jinsabu fi Strasburgu ma kienux fil-periklu fil-ħin li seħħ l-attakk terroristiku f’villaġġ tal-Milied fil-belt…

Mużika

It-temp xitwi hu ideali għal mixja jew ġirja li tgħin biex il-persuna tkun fl-aħjar forma fiżika possibbli jew għall-anqas iżżomm ruħha attiva. Fl-ambjent urban, ix-xatt ta’ Tas-Sliema hu wieħed mill-aktar…

Aktar