Aġġornat: Vettura tifqa’ r-railing u tispiċċa fil-Wied ta’ Birkirkara

Skond stqarrija tal-pulizija l-ġuvintur li wara nofsinhar kienu involuti f’inċident ta’ traffiku f’Birkirkara joqgħodu n-Naxxar.  Wieħed ta’ 26 sena u l-ieħor ta’ 34 sena.  Il-ġuvni ta’ 26 sena li kien qiegħed issuq ġarrab ġrieħi ħfief, filwaqt li l-passiġier ta’ 34 sena ġarrab ġrieħi gravi.

Aktar kmieni:-Żewġ ġuvintur ittieħdu l-isptar għall-kura wara inċident tat-traffiku ħdejn id-dipartiment tal-VAT f’Birkirkara għall-ħabta tal-4 p.m.

Minn informazzjoni li ġbarna minn fuq il-post jirriżulta li l-karozza kienet qed tinstaq fid-direzzjoni mill-Imsida lejn Birkirkara.

Jidher li kif waslu ħdejn id-dipartiment tal-VAT, is-sewwieq tilef il-kontrol tal-vettura, baqa’ dieħel fir-railing li hemm fil-ġenb tat-triq bir-riżultat li l-karozza baqgħet nieżla fil-wied.

Għal xi ħin iż-żewġ ġuvintur li kienu fil-karozza ma setgħux joħorġu minnha sakemm fuq il-post waslu l-Pulizija u ambulanza li ħarġuhom u ħaduhom għall-kura l-isptar.