Storja
Viċin li jissolva l-misteru tal-fdalijiet li nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Il-fdalijiet umani li nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni se jiġu studjati b’mod xjentifiku u għandhom itemmu darba għal dejjem miti u misteri relatati magħhom fosthom li setgħu kienu ta’ aljeni.

Il-proġett ta’ riċerka li qed jitmexxa minn Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u Università fl-Awstralja se jitfa’ dawl fuq aspetti differenti tal-ħajja tan-nies li kien jghixu fuq din l-art bejn erbat elef u sitt elef sena ilu.

Mad-daqqa t’għajn din ir-ras ta’ skeletru ma jidher li fiha xejn straordinarju, iżda din u oħrajn simili li nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni ftit iktar minn mitt sena ilu qajmu bosta miti, misteri imsejsa fuq spekulazzjonijiet.

Il-kuratriċi ewlenija ta’ Heritage Malta, Sharon Sultana qalet li l-kontroversja tqanqlet mir-rapport tal-1926 tat-Tabib u arkeologu Sir Temi Zammit li fih kiteb li l-irjus kienu kemxejn tawwalin.

Dan wassal għal bosta teoriji u interpretazzjonijiet fosthom li l-irjus tal-iskeletri jaf kienu assoċjati ma’ ritwal li kien isir fil-Perù waqt li xi estremisti marru pass lil hinn.

Sharon Sultana qalet “hemm ukoll għidut oħra illi dawn peress li huma elongated illi huma irjus ta’ aljeni”.

Bil-għan li dawn l-għidut jiġu verfikati jew miċħuda, Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti flimkien mal-Università ta’ Macquarie f’Sydney qed jistudjaw b’mod xjentifiku l-għadam kollu li nstab.

L-arkeoloġista u l-esperta tal-għadam, Bernardette Mercieca Spiteri qalet li l-istħarriġ preliminari fuq wieħed mill-iktar kranji intatti jindika li hu ta’ raġel ta’ bejn 25 u 26 sena li kien jgħix fi żmien neolitiku mas-sitt elef sena ilu.

Bernardette Mercieca Spiteri qalet “dan hu ta’ persuna normali bħalna, ftit mill-kranji – xi tnejn jidhirli – huma ftit iktar elongated ftit iktar differenti fil-forma imma bilkemm tinnota d-differenza u f’popolazzjoni anke tagħna llum ħadd minnha m’hu se jkollu l-istess tip ta’ kranju”.

Bernardette Mercieca Spiteri qalet li b’dan l-istudju ta’ sentejn se jinvestigaw l-aspetti kollha tal-ħajja tan-nies ta’ Ħal Saflieni fosthom is-saħħa, il-mard, l-istil ta’ ħajja, id-dieta u l-profil tal-antenati tagħhom.

Bernardette Mercieca Spiteri qalet “huma grupp pjuttost rappreżentattiv jiġifieri fih għandna wkoll għadam ta’ tfal żgħar, għandna wkoll għadam ta’ xjuħ li qed tindikalna li hawnhekk għandna rappreżentazzjoni tas-soċjetà kollha bħal m’għandna llum fiċ-ċimiterji tagħna”.

Il-proġett hu kkunsidrat importanti għaliex hu l-ewwel analiżi dettaljata li qatt saret fuq il-fdalijiet tal-umani li ġew skavati fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni li kien kumpless tad-dfin fi żmien Neolitiku.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar