Lokali
Filmat: il-pumpiera b’sigħat twal ta’ ħidma biex ikomplu jitfu nirien perikolużi fil-Marsa

Għexieren ta’ pumpiera ilhom għal dawn l-aħħar għaxar sigħat jissieltu nirien kbar li ħakmu scrapyard fil-Marsa.

Il-pumpieri minn diversi stazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili ssejħu biex jitfu n-nirien għall-ħabta tal-11.30 p.m. Is-sitwazzjoni mill-ewwel dehret li kienet waħda serja tant li mal-ħin issejħu aktar pumpiera biex ikomplu jikkontrollaw in-nirien.

Mal-wasla tagħhom fuq il-post sabu l-iscrapyard ħuġġieġa kbira bi dħaħen li ksew mhux biss il-lokalità tal-Marsa iżda anke lokalitajiet fil-madwar. Il-pumpiera bdew jissieltu l-ilsna tan-nar minn fuq permezz ta’ tagħmir apposta li nxtara fl-aħħar snin mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jilqa’ għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

Minkejja l-ħidma tagħhom, is-sitwazzjoni fil-Marsa għadha qed tiġi kkontrollata b’bosta pumpieri dehru eżawriti wara sigħat ta’ ħidma bla waqfien.