Qasam soċjali
Villa f’Birkirkara se tinbidel f’ċentru tal-mużika għat-tfal b’diżabilità

Il-Gvern se jgħin fir-riġenerazzjoni ta’ binja antika f’Birkirkara biex tinbidel f’ċentru tal-mużika għal tfal b’diżabilità u bl-awtiżmu.

Permezz tal-Awtorità tad-Djar huwa se jagħti lill-Malta Trust Foundation €58,543 biex tirrestawra Villa Bianca ħalli tintuża għall-imsemmi skop.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay kienu preżenti għall-iffirmar tal-ftehim.

Il-Ministru Galdes qal li din il-villa ġiet mogħtija minn Maurice u Francina Abela lill-Malta Trust Foundation b’risq tfal u żgħażagħ b’diżabilità.

Huwa qal li grazzi għal dan il-ftehim familji li għandhom tfal, ħbieb jew qraba bl-awtiżmu jew b’diżabilità ħa jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru.

Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-Malta Trust Foundation, iddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed storiku li se jimla spazju fil-qasam tal-mużika u tal-arti performattiva għal dawk it-tfal bi bżonnijiet diversi li sal-lum ma kellhomx opportunità li jiżviluppaw dawn il-ħiliet.

Waqt li rringrazzja lill-Ministru Galdes tal-għajnuna hija spjegat kif il-proġett se jkun sewa lil The Malta Trust Foundation is-somma kapitali ta’ €100,487 u investiment ta’ €250,000 fi tfal b’abbiltajiet differenti ta’ kull sena.