Qorti
Vince Gaffarena jgħid li Leon Debono spara u laqat lilu u qatel lil kuġinuh Saviour

Fil-Qorti bdiet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Leon Debono u Owen Schembri, it-tnejn ta’ 18-il sena minn Ħal Kirkop mixlija bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vincent Gaffarena fid-29 ta’ Lulju 2020. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Il-kumpilazzjoni damet kważi siegħa ma bdiet minħabba li d-difiża lmentat li l-awla (25) fejn kienet se tinstema kienet żgħira wisq għan-numru ta’ persuni preżenti. Il-Maġistrat Nadine Lia talbet lid-difiża tagħmel talba formali lill-amministrazzjoni tal-Qorti u wara sospensjoni ta’ ftit minuti, ġie deċiż li l-kumpilazzjoni tinstema’ ferm ikbar fis-sular t’isfel (Awla 9).

Jixhed l-Ispettur Kurt Zahra

L-Ispettur Kurt Zahra xehed li dak inhar għal ħabta ta’ 23.45 irċieva telefonata mill-Ispettur Keith Arnaud li x’aktarx x’imkien fl-Imqabba kienet ghadha kif seħħet sparatura u kien hemm xi ħadd mejjet. Qal li għaddewh ma’ pulizija li kienet xogħol hemmhekk u ġie nfurmat li kienet għaddejja attività tal-logħob tan-nar. Qalulu wkoll li waqqfet karozza mal-barrikati u fiha kien hemm persuna mimlija demm bi ġrieħi kompatibbli ma’ sparatura.

Żied li hu wasal fuq il-post fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija f’temp ta’ kwarta. Qal li l-Imqabba kienet magħluq u kien hemm ambulanza. Il-karozza kienet Renalut Megane griża u fuq in-naħa tal-mudguard tax-xellug kien hemm fanal imkisser. Fuq in-naħa tax-xufier kien hemm persuna midruba li beda jitkellem mat-tim mediku. Żied li meta dar mal-karozza, fuq in-naħa tax-xufier kien hemm persuna mal-art bid-demm li kien qed jiġi assistit iżda ma kienx qed jirrispondi. Qal li għamlulu CPR iżda t-Tabib Michael Spiteri infurmah ftit wara li kien mejjet.

L-Ispettur Zahra qal li beda jiġbor l-ewwel informazzjoni fosthom mingħand pulizija li għaddhielu karta li fuqha kien hemm l-ismijiet ta’ Owen Schembri u Leon Debono kif ukoll ta’ Carmel ta’ Susella li jiġi missier Leon Debono. Żied li identifikaw iż-żewġ vittimi u ġie nfurmat li l-ferut informa lill-pulizija li l-isparatura kienet seħħet f’Ħal Millieri u hu kien saq lejn l-Imqabba għall-għajnuna.

Xehed li ta struzzjonijiet għal rondi f’Ħal Millieri u meta marru lura lejn l-Imqabba bdew jippjanaw biex jarrestaw liż-żewġ persuni. Qal li waqt ronda f’Ħal Kirkop għall-ħabta tal-3 a.m. qrib l-iskola innotaw minuri liebes kollox iswed jiġri. Kompla jixhed li meta kellmuh, irriżulta li kien jaf b’li ġara u li kellu kuntatt ma’ Owen Schembri. Qal li għalhekk żammewh għal aktar stħarriġ.

Kompla jgħid li wara marru jarrestaw lil Owen Schembri fir-residenza tiegħu u minn hemm ġabru xi ħwejjeġ li setgħu ntużaw fl-isparatura. Żied li l-għada żaru x-xeni tar-reat għal xi filmati tas-sigurtà. Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Zahra qal li Vince Gafferena kien ġie f’tiegħu u setgħu ikellmuh. Qallhom li hu kien għadda għal Owen u Leon u kuġinuh u marru dawra bil-karozza. Spjegalhom li hu kien qed isuq u ħdejh quddiem kien Leon filwaqt li fuq is-seat ta’ wara kien hemm Saviour u Owen.

Qalilhom li meta marru dawra Ħal Millieri, Owen beda juri arma lil Saviour u lil Vince u nqala argument bejniethom li ma jiftakarx fuq xiex. Qal li Vince allega li waqt li l-erbgħa li huma kienu flimkien, iż-żewġ akkużati għal xi raġuni fixkluh u mbagħad kien Leon li b’din l-arma spara tir f’wiċċ Vince u ieħor f’sidru. Qalilhom ukoll li dak il-ħin Vince ħarab jiġri u meta mar lura fil-karozza ra lil Saviour mixħut fis-seat ta’ wara mimli demm.

Fil-Qorti ntqal ukoll li kien Vince Gaffarena li ċempel lill-akkużati biex imorru dawra miegħu bil-karozza u f’waqt minnhom hu u kuġinuh waqfu biex x’aktarx jieħdu d-droga. Intqal li Vince Gaffarena kellu mus waqt li fil-basket ta’ kuġinuh Saviour Gaffarena nstabet pistola mhux ikkargata. Fil-karozza taħt is-seat tax-xufier, Il-Pulizija sabet ukoll lembuba.

Jixhed iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena

Xhud ta’ 17-il sena li fl-aħħar ġimgħat kien ikun ma’ Vince Gaffarena u ż-żewġ akkużati, irrakkonta li fil-lejl tad-delitt mar jiġri miż-Żurrieq sad-dar ta’ Owen Schembri f’Ħal Kirkop u hemm ra lil Owen u Leon mifxulin iħarsu mit-twieqi.

Xehed li mar għand Owen wara li ra live feed fuq Facebook u għaraf il-karozza ta’ sieħbu u ċempillu. Spjega li l-ewwel ra l-arma fuq is-sodda ta’ Owen u wara mar ineħħiha minn parapett ta’ dar privata ftit metri bogħod.

Qal li huwa żarma l-arma fi tliet partijiet u tefgħahom f’għalqa fil-qrib fosthom f’tank tal-ilma u fil-bajtar tax-xewk. Mistoqsi kif kien tgħallem iżarma l-pistola, ix-xhud wieġeb li mill-logħob tal-playstation. It-tliet partijiet tal-arma instabu mill-Pulizija.

L-istess xhud qal li ġimgħatejn qabel l-isparatura huwa kien mar ma’ Leon Debono u Owen Schembri f’għalqa abbandunata u hemmhekk beda jarahom jippruvaw l-arma billi sparaw fuq il-ġebel. Stqarr li ż-żewġ akkużati qatt ma qalulu jekk kienux huma li sparaw lill-kuġini Gaffarena.

Tixhed il-kunstistabbli li Vince Gaffarena talabha karta u biro

Il-kuntistabbli Sherona Buhagiar xehdet li fid-29 ta’ Lulju 2020 hija kienet extra duty għall-featival tan-nar fl-Imqabba. Xehdet li għal ħabta tal-23.25 innutaw Pulizija ftit metri bogħod li kienet waqfet vettura ħdejh b’xufier mimli demm.

Qalet li meta ressqet lejn il-vettura lemħet raġel fuq wara mitluf minn sensih b’rasu sserraħ mat-tieqa mimli demm. Qalet li x-xufier kien midrub u talabha karta u biro.

Xehdet li fuq din il-karta kiteb l-ewwel Owen Schembri, Leon Debono Hal Kirkop u lissen Carmel Susella. Żiedet tgħid li din il-karta ġiet fotografata u ġiet mgħoddija lill-Maġistrat Viktor Axiaq biex tiġi esebita fl-inkjesta.

Xehdet li l-paramedici ħarġu lix-xufier u lill-passiġġier fuq wara. Żiedet li nġabru fuq il-post il-qraba tal-vittma u waqt rondi li saru matul il-lejl stess f’Ħal Kirkop ġie arrestat Owen Schembri.

Issir talba biex l-akkużati jiġu lliberati 

Il-kumpilazzjoni ntemmet bid-difiża titlob lill-Qorti sabiex iż-żewġ akkużati jiġu lliberati mill-akkużi għax il-provi mressqa mill-prosekuzzjoni mhumiex skont il-liġi.

Il-Maġistrat Nadine Lia mistennija tagħti digriet dwar dan waqt li Leon Debono u Owen Schembri għadhom qed jinżammu arrestati.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar